Pavi Depiro Champions ġodda tal-basketball tan-nisa

Sunday, May 5, 2013, 23:59

KAMPJONAT ST. JAMES HOSPITAL NISA FINALI

minn Colin Schembri

Luxol 58

Pavi Depiro 72

(16-16)(18-12)(6-22(18-22)

Pavi Depiro huma c-champions il-ġodda tal-basketball femminili wara li għelbu lic-champions renjanti Luxol 72-58 fil-ħames partita tal-kampjonat St. James Hospital. Depiro rritornaw għar-rebħ tat-titlu wara nuqqas ta’ seba’ staġuni hekk kif bejn l-istaġun 2001/02 u l-istaġun 2004/05 huma kienu rebħu erba’ kampjonati konsekuttivi. Luxol ċedew it-titlu li rebħu fl-aħħar sentejn però xorta temmew l-istaġun b’erba’ unuri. Depiro ħadu l-ewwel vantaġġ wara baskets minn Latisha Belcher u Francesca Biancho 6-2. Hawn Luxol irkupraw u bi break ta’ 8-0 marru 10-6 minn fuq fis-seba’ minuta. Belcher ħalliet lil Depiro viċin u wara li Steffi De Martino poġġiethom fuq quddiem, freethrow ta’ Mollie Williams għalaq is-sessjoni fuq skor ta’ 16-16. Fit-tieni sessjoni trippla ta’ De Martino tat il-vantaġġ lil Depiro però Luxol wieġbu b’oħra minn Mandi Sciortino. Fil-ħames minuta Depiro kienu għadhom basket minn fuq 25-23. Hawn Luxol kellhom mument mill-aqwa u għaqqdu run ta’ 11-3 b’punti minn Greta Zarb u Becky Naudi biex fl-intervall kienu 34-28 minn fuq.

Wara l-intervall, l-istorja kienet differenti. Luxol dehru maħsuda bid-difiża ta’ Depiro u ftit setgħu jinfdu. Depiro minn naħa tagħhom kellhom run ta’ 12-0 b’disa’ punti minn Belcher u trippla ta’ Beverlee Zammit biex marru 40-34 minn fuq. Hawn waslu l-ewwel punti ta’ Luxol minn freethrows ta’ Sarah Pace però Zamit kellha trippla oħra flimkien ma’ punti minn Belcher u Andrea Mifsud. Ir-risposta ta’ Luxol f’din is-sessjoni ġiet biss minn free-throws u Depiro kellhom vantaġġ ta’ 10 punti 50-40. Luxol ippruvaw jerġgħu jersqu viċin fil-ftuħ tal-aħħar perjodu però sabu t-trippli ta’ Zammit li żammew lil Depiro b’vantaġġ b’figuri doppji. Depiro kellhom break ieħor ta’ 9-4 b’baskets minn Belcher, Zammit u De Martino biex fis-seba’ minuta l-vantaġġ kien ta’ 14 –il punt 67-53. Hawn Luxol għamlu l-aħħar sforz bi trippla ta’ Pace però l-ħin kien kontra tagħhom u Depiro għalqu l-partita bi trippla ta’ De Martino biex rebħu l-kampjonat. Fi tmiem il-partita Dr. Josie Muscat Chairman ta’ St. James Hospital ippreżenta t-trofew lil Samantha Brincat captain ta’ Pavi Depiro fost il-ferħ tal-partitarji preżenti. Fi żvilupp ieħor, iktar tard matul il-jum tal-Ħadd, il-coach ta’ Luxol Christoph Stolp, permezz ta’ messaġġ fuq facebook ħabbar li l-avventura tiegħhu ma’ Luxol ġiet fi tmiemha. Avventura li bdiet l-istaġun li għadda u li wasslet lil Luxol għar-rebħ ta’ 6 unuri minn 11.

Luxol: S. Pace 19, M. Sciortino 7, C.Medina, B.Naudi 12, J. B. Gaerty, G. Zarb 7, P. Ellul 1, M. Williams 10, D. Muscat 2, M. Darmanin, K. Portelli.

Pavi Depiro: A. Mifsud 3, G. Mifsud 3, F. Biancho 2, S. Brincat, M. Bonnett, S. De Martino 18, M. Mifsud, M. Scicluna, L. Belcher 28, S. Micallef, B. Zammit 18.

Referees:  Bernard Vassallo, Alfred Carbonaro, Emanuel Mangani

Statistika…

Luxol

Free throws – 16 on 25

Baskets – 18 on 39

Three pointers – 2 on 9

Rebounds – 32

Assists – 7

Turnovers – 24

Steals – 8

Fouls Suffered – 16

Fouls Made – 18

Depiro

Free throws – 7 on 14

Baskets – 22 on 46

Three pointers – 7 on 17

Rebounds – 35

Assists – 14

Turnovers – 19

Steals – 15

Fouls Suffered – 18

Fouls Made – 16





Leave a comment