Pavi Depiro bit-tieni suċċess konsekuttiv

Monday, September 29, 2014, 16:52

50th Anniversary Pre-season Tournament  – NISA

minn Colin Schembri

L-edizzjoni tal-pre-season tournament għal dan l-istaġun msemmi għall-ħamsion anniversarju tal-MBA fetħet l-istaġun fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet u kienu Pavi Depiro li finalment rebħu dan l-unur. Depiro kienu diġa rebħu din il-kompetizzjoni fl-istaġun li għadda biex bdew fuq nota posittiva. Għal din il-kompetizzjoni li ntlagħbet b’żewġ sessjonijiet ta’ 15 –il minuta kienu diversi it-timijiet li ppreżentaw għall-ewwel darba l-players barranin tagħhom flimkien ma’ uħud mill-akkwisti mix-xena okali. Ic-champions Cafe Moak u l-istess Depiro għandhom player Amerikana ġdida. Dawn huma Siarre Evans ta’ Depiro u Lakitha Alston ta’ Luxol fil-waqt li Hibs ppreżentaw lit-Taljana Sylvia Gambino. Honey Athleta u DHL Phoenix ppreżentaw team bi players Maltin biss għalkemm il-barranija tal-Athleta mistennija tkun Malta fi ftit ġimgħat oħra. Kellna r-ritorn ta’ Adiran Mifsud u Bruno Di Pietrantonio fuq il-bank ta’ Depiro u Hibs rispettivament għalkemm dak ta’ Mifsud huwa wieħed temporanju.

Fost il-players li għamlu d-debutt ma’ club ġdid insibu lil Beverlee Zammit li rritornat ma’ Luxol flimkien ma Joselle Borg Cardona fil-waqt li Claire Ciantar idebuttat ma’ Depiro, Christina Grima idebuttat ma’ Hibs, Lindsey Pirotta u Natasha Attard ma’ Athleta.

Fl-ewwel ġurnata ntlagħbet l-ewwel fażi hekk kif il-ħames timjiet ħadu sehem f’sistema ta’ eleminazzjoni wara żewġ telfiet. Ir-riżultati tal-ewwel ġurnata kienu dawn:

Caffe Moak Luxol 70 DHL Phoenix 14

Honey Athleta 33 Hibs 49

Pavi Depiro 55 Caffe Moak Luxol 53

DHL Phoenix 31 Honey Athleta 46

B’hekk DHL Phoenix kienu l-ewwel team li safa eleminat b’żewġ telfiet. It-tieni fażi bdiet bl-ewwel semifinali bejn Hibs u Pavi Depiro Wara li Hibs marru basket minn fuq 14-12 f’nofs l-ewwel taqsima, Depiro kellhom run ta’ 21-4 ispirati mill-Amerikana Evans u l-captain Sam Brincat u daħlu jistrieħu 36-23 minn fuq. Wara l-intervall Hibs tħabtu biex inaqqsu d-distakk permezz ta’ Gambino, Grima u Julia Scerri. Però kif waslu sa disa’ punti ‘l bogħod kien hemm ir-risposta ta’ Depiro permezz ta’ Maria Bonett biex kisbu r-rebħa 57-44. Fil-partita ta’ wara Luxol iltaqgħu kontra Athleta u ħarġu rebbieħa 37-26 biex l-Athleta sfaw eleminati wkoll u fit-tieni semifinali Luxol iltaqgħu kontra Hibs. Luxol kellhom l-aħjar bidu bil-baskets ta’ Steffi De Martino u l-Amerikana Alston. Għal Hibs kien hemm ir-risposta bit-trippli ta’ Grima u Gambino f’run ta’ 11-2 u daħlu jistrieħu punt minn fuq 24-23. Luxol reġgħu marru minn fuq wara aktar punti minn Alston u Paula Ellul. Hibs irrispondew u għal darbtejn ġabu l-iskor indaqs u saħansitra marru basket minn fuq 43-41. Luxol wieġbu bi trippla ta’ Zammit li rathom jiftħu vantaġġ ta’ sitt punti 51-45 u kkontrollaw sat-tmiem biex ħarġu rebbieħa 53-48.

Fil-finali bejn Depiro u Luxol li wkoll kienet b’żewġ sessjonijiet ta’ 15 –il minuta, ‘l waħda, kienu Depiro li ħarġu rebbieħa 42-40 f’partita kkontrollata minn Bernard Vassallo u Emanuel Mangani. Depiro wettqu rimonta mill-isbaħ fit-tieni taqsima li tathom it-tazza. Fl-ewwel sessjoni kienu Luxol li ħadu vantaġġ wara trippla minn Beverlee Zammit u baskets minn Alston u Ellul. Depiro wkoll kellhom it-three pointers minn Evans u Gaby Mifsud iżda Luxol għamlu break ta’ 8-0 u daħlu jistyrieħu 7 minn fuq 27-20. Huma kabbru l-vantaġġ għal 12 –il punt wara punti minn De Martino u Alston. Hawn Depiro bdew ir-rimonta tagħhom grazzi għal żewġ trippli minn Mifsud u baskets ta’ Brincat u Svetlana Micallef. Huma ġabu l-iskor indaqs 34-34 fit-tmien minuta. L-ebda team ma rnexxielu jerġa jibno vantaġġ kbir u kienet Antoinette Borg li disa’ sekondi mit-tmiem għamlet il-basket tar-rebħa. Fi tmiem il-partita Paul Sultana President tal-MBA ppreżenta t-trofew lil Samantha Brincat, captain ta’ Depiro.





Leave a comment