Pass ieħor minn Luxol u Hibs lejn il-finali

Monday, April 4, 2016, 19:21

Kampjonat MSV life Nisa – Playoffs

minn Colin Schembri

Is-semifinali tal-kampjonat tan-nisa dan l-istaġun huma l-aħjar minn ħames partiti u b’hekk bir-rebħa li kisbu Luxol u Hibs fit-tieni partita, issa jinsabu biss rebħa ‘l bogħod mill-finali. It-tielet semi-finali jintlagħbu l-Ħamis 7 t’April.

Pavi Depiro 49

Caffè Moak Luxol 87

(18-19)(13-23)(14-15)(4-32)

Caffè Moak Luxol kisbu t-tieni rebħa fis-serje tas-semifinali tagħhom kontra Pavi Depiro 87-47. Ir-rebħa mmatturat b’mod speċjali fl-aħħar sessjoni meta Luxol kellhom run qawwija ta’ 23-0 b’kuntrast ma’ dak li ġara fl-ewwel ħinijiet tal-partita b’mod speċjali fl-ewwel sessjoni fejn kien hemm bilanċ bejn iż-żewġ timijiet. Fl-ewwel sessjoni kien hemm divers turn-overs fuq iż-żewġ naħat u dan ippermetta li l-ebda team ma jieħu vantaġġ. Depiro bdew b’run ta’ 7-2 bi trippla ta’ Gaby Mifsud. Punti ta’ Claire Ciantar u Justine Xuereb ħallew lil Depiro fuq quddiem bil-Luxol iwieġbu bil-punti ta’ Sarah Pace u Mandi Mercieca. Luxol komplew b’run ta’ 8-0 biex marru minn fuq u rnexxielhom iżommu vantaġġ ta’ punt fi tmiem l-ewwel sessjoni 18-19 minkejja trippla oħra ta’ Mifsud. Fit-tieni perjodu, Luxol bdew b’run oħra ta’ 11-0 b’aktar punti minn Mercieca u Steffi De Martino. Mifsud għamlet it-tielet trippla tagħha flimkien ma’ Sam Brincat u Claire Ciantar, bil-Luxol isaħħu l-vantaġġ bil-punti ta’ De Martino u Joselle Borg Cardona u daħlu jistrieħu 11 minn fuq 42-31.

Wara l-intervall Luxol saħħew il-vantaġġ bil-punti ta’ Martina Darmanin, Cardona u Pace. Depiro rnexxielhom jagħmlu run ta’ 9-0 biex naqqsu d-distakk għal seba’ punti 45-52. Luxol għalqu t-taqsima b’ħames punti ta’ Pace u Mercieca għal skor ta’ 57-45. Il-bidu tal-aħħar sessjoni kien miċidjali minn naħa tac-champions li kellhom run qawwija ta’ 23-0 b’diversi punti ta’ Chrstine Curmi, De Martino u t-trippli minn Pace u Beverlee Zammit biex temmew kull tama ta’ Depiro. Fil-fatt Depiro għamlu biss żewġ baskets u Luxol għalqu l-partita bi trippla ta’ De Martino u l-punti ta’ Curmi u Darmanin biex ħarġu rebbieħa 87-49.

Pavi Depiro: A. Mifsud 2, G. Mifsud 18, S. Brincat 10, M. Bonett 4, C. Camilleri 2, M. Scicluna, J. Xuereb 7, C. Ciantar 6.

Caffè Moak Luxol: S. Pace 15, B. Zammit 8, N. Agius, J. Borg Cardona 4, M. Mercieca 15, S. De Martino 20, C. Sollami, A. Calleja, P. Ellul 6, N. Vella, M. Darmanin 13, C. Curmi 6.

Referees: Gordon Barbara, Emanuel Mangani

Gżira Athleta 34

Electrofix Hibs 59

(10-12)(7-12)(6-19)(11-16)

Electrofix Hibs ukoll għamlu pass ieħor lejn il-finali tal-kampjonat MSV Life meta fit-tieni semifinali għelbu lil Gżira Athleta 59-34. Athleta żammew l-istess punteġġ tal-ewwel partita fil-waqt li Hibs naqqsu l-punti. Fl-ewwel sessjoni Athleta ħadu l-vantaġġ għal darbtejn wara trippli minn Antoinette Borg. Hibs kellhom il-punti minn Christina Grima u Elena Cassar biex temmew is-sessjoni 12-10 minn fuq. Huma komplew b’aktar punti fil-ftuħ tat-tieni taqsima meta għamlu break ta’ 12-2 b’punti minn Grima u Greta Costa. Athleta rnexxielhom jagħmlu ħames punti qabel tmiem is-sessjoni biex Hibs kienu 24-17 minn fuq.

Wara l-intervall, Hibs komplew b’run oħra ta’ 9-2 b’diversi punti ta’ Cassar. Athleta wieġbu permezz ta’ Kelly Busuttil u Denise Said Hollier però Hibs għalqu t-taqsima b’run ta’ 7-2 u fetħu vantaġġ ta’ 20 punt 53-23. Fl-aħħar sessjoni, Hibs kellhom run oħra ta’ 10-2 b’Cassar tkompli bil-punti tagħha. Lejn it-tmiem kien hemm spazju għall-players ta’ fuq il-bank u ż-żewġ timijiet irrispondew lil xulxin u Hibs rebħu l-partita 59-34.

Gżira Athleta: M. Pollacco 2, M. Debono, K. Busuttil 3, S. Pisani 2, L. Sciberras 8, S. Cilia, D. Said Hollier 1, A. Borg 10, R. Sciberras, S. Vella 1, C. Mifsud 7.

Electrofix Hibs: J. Scerri 2, E. Cassar 22, N. Vella, I. Agius 4, J. Grima 10, M. Said 2, C. Grima 11, K. P. Mifsud, N. Mifsud, H. Al Tumi 4, N. Farrugia, G. Costa 4.

Referees: Gordon Barbara, Jennifer Mangani.





Leave a comment