Partita Eċċitanti Bejn Qormi u Vittoriosa Stars

Sunday, July 28, 2013, 9:25

minn Stephen Azzopardi

Fit-tieni partita minn Grupp B tal-AME Cup 2013, assistejna għal xalata ta’ gowls bejn Qormi u Vittoriosa Stars.  Għal Qormi fl-ewwel taqsima, lagħab bin-numru sbatax, Enoch Barwuah, ħu Mario Barwuah Balotelli.

Fid-disa’ minuta kien proprju Enoch Barwuah li fetaħ l-iskor għal Qormi.  Żewġ minuti biss wara Vittoriosa ġabu d-draw permezz ta’ Marcelo Perreira.  Vittoriosa baqgħu jħarsu ‘l quddiem u reġa’ kien Perreira li fid-29 minuta poġġihom fil-vantaġġ.  Vittoriosa għalqu l-ewwel taqsima b’gowl ieħor din id-darba permezz ta’ Siraj Arab Eddin.

Fit-tieni taqsima, kellna rimonta qawwija ta’ Qormi.  Minuta biss wara l-bidu tat-tieni taqsima, Leighton Grech li kien għadu kif daħal fit-tieni taqsima naqqas l-iskor għal Qormi.  Fit-53 minuta, Qormi għamluhom 3-3 permezz ta’ Simone Bezzicceri.  Tliet minuti biss wara kien l-istess Bezzicceri li poġġa lill- Qriema fil-vantaġġ.  Fit-73 minuta ċans għal Vittoriosa li jerġgħu jġibu d-draw meta minn Free kick ‘l barra mill-kaxxa Marcio Tervel laqat il-lasta.  Fil-85 minuta Pavel Besta wettaq fawl li waqqaf ċans ovvju ta’ gowl u għalhekk ir-referee Marco Borg kellu jagħtih karta ħamra diretta u Qormi ġew b’raġel inqas.

Fit-89 minuta, penalty għal Vittoriosa u kien Marcio Tevel li għamilhom 4-4.  Fid-90 minuta, Qormi għamluhom 5-4 din id-darba b’gowl ta’ Roderick Bajada.  Vittoriosa baqgħu jinsistu u minkejja li nqabżu d-90 minuta Marcelo Perreira għamilhom 5-5 u kellna mmorru għall-għoti tal-penalties.

Qormi skurjaw erba’ penalties permezz ta’ Roderick Bajada, Joseph Chetcuti, Martin Kotzya u Leighton Grech.  Filwaqt li għal Vittoriosa Stars ġew skurjati tliet penalties minn Marcio Tervel, Liam Gauci u Samir Arab.  Marcelo Perreira u Gilbert Martin fallew il-penalties tagħhom u għalhekk Qormi ħarġu rebbieħa.

Finalment naġġornawkom bil-klassifika ta’ Grupp B, fejn Floriana għandhom 6 punti, Qormi 4 punti, Rabat Ajax u Vittoriosa Stars b’punt kull wieħed.





Leave a comment