Parteċipazzjoni rekord għal Summer On The Move

Tuesday, July 14, 2015, 21:44

Gavin Muscat

Illum beda l-programm ta` Sajf tal-Kunsill Malti għall-isport Summer on the Move.  Il-programm ta` tmien gimgħat kontinwi ta` Sport jiġi fi tmiemu fi tieni gimgħa ta` Settembru meta għall-ewwel darba f’Malta u madwar l-Ewropa ser issir il-gimgħa tal-Isport.

Kollox huwa preparat biex iktar minn mitejn kowcis kwalifikati jilqgħu madwar 4000 parteċipant f’10 ċentri madwar Malta u Għawdex. Il-fiduċja li qed jikseb bil-programmi tiegħu huwa evidenti hekk kif il-Kunsil Malti għall-Isport għall-ewwel darba għandu l-programmi kollha fully booked u kull ma fadal huwa biss ftit spazju fil-programmi tal-Mellieħa u anke Ta` Qali

F’din l-edizzjoni ta’ Summer on the Move, għad-differenza tas-snin li għaddew,il-programm ser ikun mifrux fuq aktar kumplessi. Minbarra l-Kumplessi tas-soltu, issa s-sessjonijiet ser isiru wkoll fil-Basketball Sport Complex Ta’ Qali, Selmun Activity Park fil-Mellieħa u l-Kumpless Sportiv tal-Marsa fejn ser ikun utilizzat wkoll fis-sajf.  Għal din is-sena ma żdiedux biss il-kumplessi, pero’ żdiedu wkoll id-dixxiplini sportivi fosthom l-Archery, il-Golf, il-Cricket, Non-contact Boxing, Rhytmic Gymnastics, il-Futsal, il-Hockey, Mini-Waterpolo u Line Dancing.  Dan qed ssir biex aktar assoċjazzjonijiet ikunu parteċipanti f’ dan il-programm biex jintlaħaq skop ieħor dak li l-Kunsill Malti għall-Isport ma jibqax jorganizza waħdu iżda jagħmel dan flimkien magħhom.Dan jassigura li iktar tfal u żgħażagħ wara dawn il-programmi jkomplu ma’ klabbs u għalhekk ikun hemm kontinwazzjoni.Mill-applikazzjonijiet wieħed baqa sorpriż bl-ammonti kbar ta` tfal (fuq 60) li applikaw għall- archery kif ukoll ser tiġi varata l-ewwel akkademja tal-boxing li ser ikollha l-ewwel għaxar applikanti.Hemm interess ukoll kbir fil-Mini Waterpolo ,Rhythmic Gymanstics u Hockey.

L-għawm bla dubju ta` xejn jibqa l-aktar sport favorit f’dan il-programm.  Barra   il-Pixxina Nazzjonali tal-Qroqq li ser ikollha programm kuljum ta` lezzjonijiet, iċ-ċentri ta` Kirkop u anke tas- Siġġiewi ser joffru programmi tal-Ghawm kemm filgħodu kif ukoll filgħaxija.L-istudenti li jidħlu għal dan il-programm jiġu mogħtija ċertifikat skond il-livell ta` għawm tagħhom wara tmien ġimgħat.  Il-livelli jvarjaw skond l-abilita’ tat- tfal li jpoġġu fil-prattika dak kollu li jkunu tagħlmu.

Il-lezzjonijiet tal-għawm

Anke iż-żfin huwa sport ieħor li jġib miegħu parteċipazzjoni kbira f’dan il-programm.L-għalliema u l-istudenti tagħhom issa għandhom sfida ikbar għaliex matul dawn it-tmien ġimgħat ser ikunu qed jippreparaw għal show tas-Sajf organizzat waqt il-ġimgħa Ewropeja tal-Isport.  Il-programm joffri ballet, hip hop,jazz u anki lyrical dance.  Dettalji dwar din l-attivita’ ser ikunu qed jiġu imħabbra fil-ġranet li ġejjin.

F’Summer on the Move 2015 tnaqqset ukoll l-eta’ u min din id-darba tfal sa’ mill-eta’ ta’ sentejn, jistgħu jibdew jattendu għall-sessjonijiet tal-għawm flimkien mal-ġenituri tagħhom.    Minbarra dan kollu ttawwal il-ħin u wħud mis-sessjonijiet ser jibdew fit-8.00am u jibqgħu sejrin sas-2.00pm.  Minbarra ċ-ċentri tradizzjonali li qabel kienu jospitaw Summer on the Move jiġifieri dawk tal-Kottonera, Tal-Qroqq, Kirkop , Siġġiewi u Mosta għal din is-sena  żdiedu wkoll il-Kumpless Sportiv tal-Marsa, il-Family Park ta` Selmun ( Mellieha ) u ovvjament il-Kumpless tal-Basketball f’Ta’ Qali. Dan kollu qed isir sabiex kullħadd ikollu ċentru qrib id-dar tiegħu fejn wieħed jieħu sehem.  Il-programm għandu wkoll attivitajiet fil-Birżerbbugia Sailing Club u l- Badger Karting ta` Qali.

It-tfal ser ikunu wkoll jistgħu jgawdu mhux biss minn ċentri ta` livell għoli u kowċis kwalifikati iżda anke wkoll minn ammont sostanzjali ta` apparat ġdid li nxtara apposta sabiex jintuża għal dawn il-programmi.  Id-dipartiment tal-programmi barra li ta attenzjoni li tikber il-parteċipazzjoni ra` wkoll li tiżdied il-kwalita’ tat- tagħlim.Filfatt ġimġħa eżatt qabel beda il-programm sar seminar għal kowċis kollha fejn ġie spjegat lilhom x’inhu mistenni minnhom f’dawn it-tmien ġimgħat.

Min irid iktar dettalji jista’ jidħol fis- sit elettroniku www.sportmalta.org.mt jew inkella iċempel lid-Dipartiment tal-Programmi fuq 22036228/ 22036233.

 





Leave a comment