- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Parteċipazzjoni rekord fil-bidu tat-Trustmoore Cross Country National Point Series

Posted By Sportinmalta On January 21, 2020 @ 11:56 am In Cycling,Featured | No Comments

It-Trustmoore National Point Series, organiżżata mill- Assoċjazzjoni Maltija tal-Mountain Bike, ingħatat bidu nhar il-Ħadd li għadda b’numru rekord ta’ parteċipanti li ħadu sehem f’diversi kategoriji, fosthom il-Klassi Novice, kategorija ġdida maħluqa bil-għan li tattira aktar parteċiġanti lejn l-isport. L-ewwel tellieqa li saret f’Tal-Lippija, l-Imġarr.

B’kundizzjonijiet kważi perfetti, b’xi ftit tajn u u ftit tlugħ tekniku, ma kien hemm l-ebda limitu għall-isforz magħmul minn dawk li ħadu sehem. Jikkompetu maċ-ċiklisti lokali, kien hemm ukoll grupp ta’ ċiklisti mill-Latvja li regolarment iżuru Malta f’dan iż-żmien tas-sena għal kamp ta’ taħriġ.

L-ewwel ma bdew kienu il-kategoriji tal- Under 12s, Under 15s u Novice li kollha kemm huma kellhom tlett dawriet fuq rotta ftit iqsar. Kien hemm ukoll parteċipazzjoni fil-Kategorija tal-E-Bikes, iżda sal-ħin meta ġie ppublikat dan ir-rapport ir-riżultat kien qed jiġi rivedut.

Elite

Maurice Formosa (The Cyclist) ta’ prestazzjoni mill-aqwa meta ħareġ mill-ewwel fuq quddiem. Formosa kien ħerqan biex jiżgura distakk komdu fuq l-erbatax-il parteċipant f’din il-Kategorija.  Warajħ kienu Brandon Sultana (Gozo CC), Jason Vella (Agones SFC) u Mark Zammit (Mosta AF Sign CC) li wkoll kienu determinati li jwaqqfu t-tentattivi ta ’Formosa. B’distakk ta’ kważi żewġ minuti, il- battalja kompliet għat-tieni u t-tielet postijiet tal-podju – ġlieda attiva li saret bejn Sultana, Vella u Zammit li kollha taw prestazzjonijiet notevoli. Madankollu fl-aħħar kienu Sultana u Vella li ħadu posthom fuq il-podju, fit-tieni u tielet post rispettivament.

Sport

L-ikbar kategorija għall-ġurnata, kienet dominata miċ-ċiklisti Latvjani – Udris Haralds u Urlvis Bernzis. Fit-tielet post daħal Ack Hili (Agones SFC). It-trio kienu fuq quddiem il-ħin kollu, għalkemm il-postijiet spiss kienu qed jinbidlu matul it-triq.

Masters 40+ 

Iċ-ċiklista veteran tat-Tim Beria Racing Italia Patrick Scicluna, iddomina t-tellieqa mill-bidu nett. Hu kiseb vantaġġ ta’ kważi erba minuti fuq Paul Zarb (The Cyclist) li daħal fit-tieni post. Fit-tielet post daħal il-barrani Eduard Rens.

Masters 50+

Enrico Brandamante (Agones SFC) kien ir-rebbieħ ċar f’din il-kategorija – parteċipant regolari, Brandamante żamm il-vantaġġ mill-bidu nett. Hu ġie segwit minn David Pace u d-debuttant fis-Serje – Raphael Fenech Adami.

Juniors

Kienet battalja mill-qrib fl-ewwel tliet dawriet għal Clyve Chetcuti (Mosta AF Sign Studio) u l-Għawdxi Stefan Scerri, bi ftit sekondi jisseparaw it-tnejn. Id-dawriet definittivi kienu r-raba ’u l-ħames meta Chetcuti kiseb vantaġġ ta kwazi minuta fuq Scerri, li kellu xi problemi tekniċi. Fit-tielet post kien Darren Sultana (Gozo CC).

Nisa

Il-Ħadd rat l-akbar parteċipazzjoni f’din il-kategorija għal dan l-aħħar żmien. Minkejja bidu xejn notevoli, Marie Claire Aquilina (Team Greens) kompliet turi l-ħila tagħha meta rebħet it-tellieqa b’vantaġġ komdu. L-ikbar sorpriża tat-tellieqa kienet Fiona Darmanin Tedesco (Mosta AF Sign Studio) li minkejja li kienet qed tikkompeti ma rikkieba tat-Team Greens Danica Bonello Spiteri u Lara Buttigieg, żewġ nisa li regolarment ħadu posthom fuq il-podju fl-istaġun li għadda, tat prestazzjoni determinata biex spiċċat fit-tielet post.  L-esperjenza indiskutibbli ta’ Bonello Spiteri ppermettilha li tgħaddi lil Darmanin Tedesco b’distakk ta’ żewġ sekondi biss.

L-Assoċjazzjoni esprimiet il-gratitudni tagħha lejn l-Awtoritajiet għall-appoġġ tal-avveniment. Fit-tentattiv tagħha li tillimita l-użu tal-plastik l-Assoċjazzjoni pprovdiet dispensers tal-ilma li ppermettew lil-parteċipanti jimlew il-fliexken tagħhom stess mingħajr il-bżonn li jintużaw tazzi li wara jintremew.

Il-Cross Country National Point Series, huma sponsorjati minn Trustmoore Corporate Services u appoġġjati minn Malta Nutrition, Powerbar, H20nly u Magri Cycles li offrew appoġġ tekniku matul it-tellieqa.

It-tellieqa li jmiss se ssir nhar il-Ħadd 23 ta’ Frar fil-Miżieb. Iktar informazzjoni tinkiseb fuq www.maltamountainbike.org.mt.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/partecipazzjoni-rekord-fil-bidu-tat-trustmoore-cross-country-national-point-series-2/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.