Organizzata b’suċċes it-tieni edizzjoni tal-Valletta Cup

Monday, April 15, 2019, 7:29

Is-Sibt li għadda fil-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta ġiet organizzata t-tieni edizzjoni tat-turnament Valletta Cup.  Dan it-turnament ġie organizzat mil-kunsillier Ray Azzopardi wara s-suċċess li kiseb fl-ewwel edizzjoni.  Għal dan it-turnament ħadu sehem plejers preżenti u eks plejers taż-żewġ klabbs Beltin, Valletta Subbuteo Club u Valletta Lions TFC.  Kienet kompetizzjoni individwali fuq żewġ kategoriji, kategorija Open u kategorija Cadets.

Ir-rebbieħ tal-kategorija Open kien Samuel Bartolo plejer ta’ Valletta Subbuteo Club u Mario Camilleri plejer ieħor ta’ Valletta Subbuteo Club kien finalist.  Kienet logħba akkanita ħafna fejn spiċċat bl-iskor ta’ 3-2 bi ‘sudden death’.

Jeshua Bonnici ta’ Valletta Lions TFC kien ir-rebbieħ tal-kategorija kadets, u Jayden Bonnici plejer ta’ Valletta Lions TFC kien finalist.

Waqt id-diskors tiegħu, is-Sur Ray Azzopardi irringrazzja iż-żewġ klabbs Beltin, speċjalment għall-unuri li jġibu lejn il-Belt Kapitali tagħna.  Is-Sur Azzopardi kien kuntent bil-parteċipazjoni, u l-għan tiegħu hu li jkompli jaħdem iktar mill-vicin mal-għaqdiet sportivi biex jara l-għaqda u s-suċċessi kif jafu jagħmlu l-Beltin.





Leave a comment