- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Organizzat Futsal festival għall-iskejjel primarji

Posted By Sportinmalta On January 23, 2015 @ 5:39 pm In Featured,Futsal | No Comments

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius żar il-Kumpless Sportiv tal-Kottonera fejn għaddejja t-tieni fażi tal-Futsal Festival tal-iskejjel primarji. Dan il-festival qed ikun organizzat kull sena bil-kollaborazzjoni tal-SPU (Sport Promotion Unit) fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Isport (KMS), id-Dipartiment tal-grassroots tal-Malta Football Association (MFA) u l-Futsal Malta Association (FMA).

 

Il-festival fih tliet fażijiet, wara li kull skola primarja torganizza Futsal Festival fl-iskola għall-istudenti tagħha, ikun imiss li kull skola tilgħab kontra l-iskejjel l-oħra tal-kulleġġ fit-tieni fażi. Inċidentalment ilbieraħ kienet għaddejja it-tieni fazi tal-kulleġġ San Ġorġ Preca li rat lill-iskejjel kollha tal-kulleġġ jipparteċipaw fi spirtu sportiv. Wara din it-tieni fazi jingħażel tim li jirrappreżenta lill-kulleġġ kollu u li jilgħab kontra kulleġġi oħra fil-fażi finali ta’ dan il-festival.

 

Is-Segretarju Parlamentari filwaqt li tkellem mat-tfal preżenti, irringrazzja lill-għalliema li qed jagħmlu l-almu tagħhom sabiex jippromwovu l-valuri tal-isport fl-istudenti tagħhom.

 

Preżenti wkoll kien hemm il-President tal-FMA Mark Borg, il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti tal-futsal Mark Marlow u l-aġent kap eżekuttiv tal-KMS Mark Cutajar.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/organizzat-futsal-festival-ghall-iskejjel-primarji/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.