Organizzat b’suċċess turnament internazzjonali

Monday, April 8, 2019, 13:47

Matul il-weekend tat- 30 u 31 ta’ Marzu l-Archery Association ta’ Malta organiżżat b’suċċess kbir il- 50th Spring International Archery Tournament fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa. Dan l-open Tournament ilhu jsir matul dawn l-aħħar 50 sena mingħajr waqfien.

Din is-sena ipparteċipaw 40 arċier minn 8 pajjiżi differenti. Matul dan it-Tournament illi jsir skont standards internazzjonali tal-World Archery, kull arċier jispara madwar 300 vleġġa matul jumejn sħaħ ta’ kompetizzjoni intensa u iebsa kemm fuq livell fiżiku kif ukoll tekniku.

Il-format tal-kompetizzjoni huwa mqassam fuq żewġ kompetizzjonijiet (Rounds) illi matulhom jiġu sparati numru ta’ vleġeġ fuq distanzi differenti ta’ 90, 70, 60, 50, 40, 30, 25 u 20 metru skont il-kategorija individwali tagħhom.

L-atleti Maltin kisbu riżultati tajbin ħafna li fosthom spikkaw l-aktar dawk ta’ Michelle Abela (Recurve Women), Daniel Schembri (Compound Men), Patrick Zammit (Compound Masters Men), George Abela (Recurve Masters Men), James Baldacchino (Barebow Men) u Kristian Galea (Compound Boys) illi kollha rebħu medalji fil-kategoriji differenti tagħhom.

Dawn ir-riżultati  tajbin jawguraw tajjeb għall-futur ta’ dan l-isport f’pajjiżna speċjalment fil-qasam internazzjonali fejn ix-xahar id-dieħel se jieħdu sehem fil-Golden Bow Tournament fl-Isvizzera it-team Malti immexxi mil Coach John Schembri u magħmul minn Michelle Abela, Daniel Schembri, Patrick Zammit, Jeremy Bartolo u Brian Micallef. Aktar tard din is-sena l-Association se tikkompeti wkoll f’Tournament Internazzjonali ieħor f’Ċipru.

L-Archery Association ta Malta tirringrazzja lil SportMalta u lil Kumitat Olimpiku Malti tal-għajnuna li tirċievi u li biha tkun tista twettaq b’suċċess il-ħafna attivitajiet tagħha.





Leave a comment