Opportunita’ liż-żgħażagħ biex ikomplu bl-istudji dwar l-isport barra minn Malta

Monday, March 24, 2014, 22:31

Il-Gvern se jkompli joffri opportunità liż-żgħażagħ biex ikomplu bl-istudji u t-taħriġ dwar l-isport  barra minn Malta.

 

Ħabbar dan is-Segretarju Parlamentari Għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Stefan Buontempo, hekk kif nieda skema li permezz tagħha studenti Maltin se jkunu jistgħu jitħarġu barra minn xtutna.

 

Studenti Maltin u Għawdxin se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn total ta’ €120,000 allokati għalscholarships għal din is-sena. Ta’ min ifakkar li sal-2012, kienu allokati biss €48,000 għal din l-iskema.

 

Stefan Buontempo spjega li biex student jibbenefika minn dawn l-ischolarships, jeħtieġ li sittin fil-mija tal-ħin li jqatta’ jistudja barra minn Malta jkun dedikat għal suġġetti li għandhom x’jaqsmu mal-isport.

 

Studenti li se japplikaw għal korsijiet akkademiċi relatati mal-isport, speċjalment dawk li japplikaw għal Masters jew Ph.D., se jkunu jistgħu japplikaw darba. B’dan il-mod, se jkun assigurati opportunitajiet indaqs għal kulħadd u inkunu qed noħolqu karrieri ta’ xogħol fil-qasam sportiv.

 

Is-Segretarju Parlamentari Buontempo qal li jrid jgħolli l-isport għall-livell professjonali. Dan qed iseħħ billi il-KMS nieda kors għal amministraturi tal-isport, grazzi għall-Fondi Ewropej.

 

Buontempo kompla jgħid li “fil-preżent għaddejjin bl-iStrateġija Nazzjonali tal-iSport li se tkun lesta għall-aħħar ta’ Mejju biex imbagħad tmur għall-konsultazzjoni pubblika”.

 

Is-Segretarju Parlamentari Buontempo għalaq id-diskors billi semma’ ir-rwol ġdid li l-KMS ser ikollha, dik ta’ Regolatur u mhux iktar ta’ Service Provider.

 





Leave a comment