Onor. Clifton Grima jiftaħ uffiċjalment is-Seminar Annwali tal-Pre-Season għar-referees lokali

Saturday, August 19, 2017, 15:27

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, SPORTS U GĦAQDIET TAL-VOLONTARJAT

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sports u Għaqdiet tal-Volontarjat, Clifton Grima fetaħ uffiċjalment is-Seminar Annwali tal-Pre-Season għar-referees lokali u għall-Uffiċjali tal-Logħob, li qed issir bejn l-Erbgħa 16 ta’ Awwissu u għada is-Sibt 19 ta’ Awwissu fil-Westin Dragonara Resort, San Ġiljan.

Fl-indirizz tiegħu għall-150 parteċipant, Dr Grima qal li “l-isports jgħaqqad in-nies. L-isport jgħaqqad il-pajjiżi. Irridu naħdmu ħafna sabiex niżguraw li l-isport tagħna, f’dan il-każ il-futbol, jibqa ​​jiġi rrispettat.” Dr Grima rrimarka li sabiex il-futbol jiġi rispettat iżjed u jkompli jikber f’pajjiżna, l-integrità tiegħu hija kruċjali. Huwa saħaq li l-leġiżlazzjoni ġdida proposta ser tissalvagwardja d-dixxiplini sportivi differenti mill-abbuż u l-kriminalità, u żżomm l-imprevedibbiltà tar-riżultat ta’ kompetizzjoni sportiva sa l-aħħar.

Id-Direttur tar-Referees, Kevin Azzopardi irringrazzja lil Dr. Grima għall-preżenza u l-appoġġ tiegħu lill-komunità lokali tar-referees. Huwa qal li wara staġun li kien jinkludi diversi inizjattivi, l-istaġun li jmiss ser jara wkoll numru ta’ proġetti ewlenin li se jkomplu jtejbu l-iżvilupp tar-referees kemm lokalment kif ukoll barra mill-pajjiż.

Il-mistieden prinċipali għal dan l-avveniment annwali kien l-għalliem mill-UEFA Jorn West Larsen mid-Danimarka.





Leave a comment