OKMalta.com u TOTAL fuq quddiem fl-Ewwel Diviżjoni tat-Tenpin Bowling

Friday, September 18, 2020, 11:50

Hekk kif wasal fi tmiemu l-ewwel rawnd tal-Ewwel Diviżjoni tal-Mapfre MSV Life, OkMalta.com u Total komplew jiddominaw u t-tnejn irreġistraw rebħiet komdi ta’ 8-0 kontra l-Bank of Valletta u l-Blitzkrieg rispettivament, biex baqgħu rasimbras fil-quċċata tal-klassifika.

OkMalta.com kienu f’forma mill-isbaħ, bl-erba’ plejers kollha jaqbżu l-medja ta’ 200, hekk kif Mauro Anastasi spiċċa wkoll bħala l-aqwa bowler tal-ġimgħa b’serje ta’ 662. TOTAL  ukoll lagħbu tajjeb ħafna b’Philip Gruppetta tefa’ serje ta’ 658 biex għen lit-tim TOTAL jegħleb faċilment lit-tim ta’ Blitzkrieg, msammrin  fl-aħħar post.

Turu’s Knights żammew it-tielet post tagħhom b’rebħa ta’ 8-0 kontra XS, għalkemm baqgħu b’16-il punt imbiegħed wara l-leaders. Il-Kaptan Peter Mallia kien l-ogħla għar-rebbieħa, b’serje tajba ta’ 649, b’Reuben Scerri spicca l-ogħla għal XS b’medja ta’ 210.

Swisslion baqgħu fir-raba’ post iżda tilfu żewġ punti prezzjużi kontra Royal Shock, bl-ewwel logħba tmur għal Royal Shock filwaqt li t-tieni logħba kienet waħda missielta li Swisslion rebħu bi 12-il pin biss prinċipalment minħabba logħba brillanti ta’ 245 miż-żagħżugħ Kayden Laganà. Laganà spiċċa wkoll l- aħjar plejer għat-tim b’serje 637, b’Peter Sammut Briffa jkun l-ogħla b’574 għal Royal Shock.

Supersonic għelbu lil Strike Me Jabaal biex qabżuhom u telgħu fis-seba’ post, sitt punti quddiem Strike me Jabaal li jinsabu lura fiż-żona tar-relegazzjoni. Kyle Camilleri kien l-ogħla b’621 għal Supersonic, filwaqt li Danial Swift kien l-aħjar għat-telliefa b’534.

B’hekk Anastasi kien l-ahjar plejer  tal-ġimgħa, b’Sue Abela tkun l-ogħla fost in-nisa.

Klassifika: OkMalta.com, TOTAL 63, Turu’s Knights 47, Swisslion 44, XS 37, Royal Shock 30, SuperSonic, Bank of Valletta 26, Strike Me Jabaal 20, Blitzkrieg 2.





Leave a comment