Move Week- Gimgha t`attivitajiet fizici madwar il-pajjiz

Friday, September 27, 2013, 18:21

Is-Segretarjat Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport flimkien mal-Kunsill Malti għall-Isport, l-Aġenzija Żgħażagħ u l-Malta Association of Physiotherapists se jorganizzaw ġimgħa ta’ attivitajiet fiżiċi madwar il-pajjiż bħala parti mill-European Move Week li se ssir bejn is-7 u t-13 ta’ Ottubru.

L-attivitajiet marbutin ma’ din l-inizjattiva tħabbru llum waqt konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Stefan Buontempo. Huwa qal li f’pajjiżna, t-tfal ta’ bejn 3 u 16-il sena jagħmlu biss madwar siegħa u nofs attività fiżika fil-ġimgħa. Din ir-rata hija ferm baxxa meta mqabbla ma’ pajjiżi tal-Unjoni Ewropeja. Statistika oħra li turi l-livell ta’ attività fiżika f’pajjiżna huwa l-Eurydice Report fejn f’sena skolastika t-tfal jagħmlu biss 30 siegħa filwaqt li Franza jagħmlu 102 sigħat.  Is-Segretarju Parlamentari Buontempo semma wkoll figuri ta’ obeżità li għandu pajjiżna.

Is-Segretarju Parlamentari Buontempo qal li dawn il-figuri huma allarmanti u jobbligawna li aħna bħala pajjiż nibdew nieħdu ħsieb saħħitna. Huwa appella biex in-numru ta’ Kunsilli Lokali u anke għaqdiet sportivi jkun akbar u jieħdu sehem f’attivitajiet bħal dawn. Il-Kunsilli Lokali li se jorganizzaw attività s’issa huma Birżebbuġa, Pembroke u s-Siġġiewi. Iżda jidher li aktar għaqdiet u Kunsilli Lokali se juru l-interess tagħhom fil-ġranet li ġejjin.

F’din il-konferenza tal-aħbarijiet tkellem ukoll is-Sur Matthew Azzopardi President tal-Malta Association of Physiotherapists. Huwa qal li l-Assoċjazzjoni, fuq inizjattiva tal-World Confederation for Physical Therapy, għażlet li tkun sieħeb f’din l-inizjattiva biex tippromwovi ir-rwol tal-fiżjoterapista fis-settur tal-prevenzjoni tas-saħħa. Il-Fiżjoterapisti jinsabu f’sitwazzjoni ideali permezz tat-taħriġ tagħhom biex ikollhom sehem aktar attiv minħabba li huma kapaċi jifformulaw programm ta’ eżercizzju li huwa effettiv, strutturat u tajjeb. L-Assoċjazzjoni se tipprovdi is-servizz ta’ fiżjoterapisti fl-attivitajiet li ser jiġu organizzati.

F’din l-attività se jkun hemm aktar minn 21 attività differenti madwar il-pajjiż. Din l-inizjattiva qed issir biex titqajjem kuxjenza dwar il-bżonn ta’ attività fiżika. Dan il-proġett tal-Move Week, bl-għajnuna tal-Unjoni Ewropeja, l-Ewropa trid tilħaq il-mira ta’ 100 miljun ruħ li jibdew jagħmlu xi forma ta’ attività fiżika sas-sena 2020.

Fid-29 ta’ Settembru fis-2.30pm ser ikun hemm ‘Flash Mob Dance’ fi Pjazza Reġina l-Belt.

Aktar informazzjoni fuq l-attivitajiet li ser isiru tista’ tinkiseb minn fuq is-sit http://www.sportmalta.org.mt/ u minn fuq is-sit ta’ Facebook Move Malta.





Leave a comment