Move 360 – Proġett pilota varat minn SportMalta

Saturday, February 20, 2016, 15:39

Gavin Muscat

Move 360 huwa proġett pilota varat minn SportMalta, bil-kollaborazzjoni tal-Health Promotion Unit, St James Capua Hospital u l-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS). L-għan ta’ dan il-poġett pilota huwa li titrawwem f’dawn it-tfal id-drawwa li jieklu tajjeb u li jagħmlu attività fiżika iktar min-normal. Move 360 jmur lil hinn minn hekk, għax minbarra dan se jkun qiegħed jagħmel ukoll paragun ma’ tfal oħra li mhux qed isegwu l-programm biex eventwalment isir magħruf jekk il-proġett pilota kienx effettiv u jekk l-objettiv ta’ dan il-proġett intlaħaqx.

L-isem ta’ dan il-proġett pilota kien imnebbaħ mit-tema li t-tfal se jkunu qed jagħmlu 360 minuta ta’ eżerċizzju iżjed fil-ġimgħa. Dan il-programm qed jieħu ħsieb lit-tfal fi tliet oqsma tal-ħajja tagħhom; l-ikel, l-eżerċizzju u l-lat akkademiku. Il-proġett huwa mifrux fuq medda ta’ sitt xhur, f’liema perjodu t-tfal se jkunu taħt osservazzjoni. Filfatt qabel beda dan il-proġett, it-tfal ġew eżaminati minn speċjalisti, u se jibqgħu jiġu osservati tul il-proċess kollu. Barra minn hekk, it-tfal se jkollhom ukoll appuntament regolari ma’ dentisti mill-Isptar Mater Dei.

F’dan il-proġett pilota qed jipparteċipaw l-istudenti tal-ħames klassi ta’ tliet kulleġġi; Santa Margerita, San Benedittu u San Ġorġ Preca. Matul l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett, saru diskussjonijiet mal-WHO sabiex jiġi ddeterminat liema gruppi ta’ tfal għandhom jiġu segwiti.

It-tfal tal-Kulleġġ Santa Margerita qed jattendu darbtejn fil-ġimgħa wara l-ħin tal-iskola sal-5.30pm. It-tfal qed ikunu miġbura minn kull skola u meħudha l-Kumpless ta’ SportMalta fil-Kottonera permezz ta’ trasport provdut mill-proġett u jitwasslu lura lejn id-dar wara li jispiċċaw is-sessjonijiet. Waqt li jkunu fil-Kumpless, it-tfal qed jippreparaw l-ikel, jieklu, jagħmlu x-xogħol tal-iskola u fuq kollox jagħmlu attività fiżika. B’kollox hemm 25 student kemm bniet kif ukoll subien mill-iskejjel tal-Birgu, Bormla, l-Isla, il-Kalkara u x-Xgħajra. Dawn qed ikunu mgħejuna minn għalliema, Learning Support Assistants u għalliema tal-edukazzjoni fiżika.

Intant Move 360 qed joffri programm speċifiku ta’ attività fiżika wara l-ħin tal-iskola għat-tfal tal-Kulleġġ San Benedittu. L-għan ta’ dan il-programm huwa li dawn it-tfal iżidu l-attività fiżika f’ħajjithom u b’hekk ikunu aktar b’saħħithom, billi jibqgħu għall-attivitajiet sportivi fir-raħal tagħhom.

Indirizza lil dawk preżenti, il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar li spjega kif dan il-proġett pilota qed jkun offrut b’xejn għas-sitt xhur li ġejjin grazzi għall-ħidma u s-sostenn ta’ bosta entitajiet li qed jaħdmu flimkien ma’ SportMalta. Huwa semma kif dan il-programm jara li jagħti l-ħiliet neċessarji lill-parteċipanti wara l-ġurnata tal-iskola, filwaqt li fakkar li SportMalta se tkun qed tippreżenta s-sejbiet tagħha fl-aħħar tal-proġett pilota lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol u tul il-Presidenza tal-EU, bil-ħsieb li tkun mifruxa fuq il-pajjiż kollu.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo semma kif dan il-proġett huwa xempju ta’ prattika tajba li qed iġib flimkien is-settur privat flimkien mas-servizzi tal-gvern. Huwa kompla jgħid li dan il-proġett pilota qed ikun ta’ ġid għal dawn l-istudenti, filwaqt li jara li l-iżvantaġġ soċjali li wħud minnhom jiffaċċjaw ma jkunx żvantaġġ tul il-ħajja kollha. Huwa temm jgħid li qed jispera li s-sejbiet wara sitt xhur ikunu pożittivi u jkun jista’ jestendi dan il-proġett fuq il-bqija tal-pajjiż.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, ż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius spjega kif bl-għaqal SportMalta kull ma jmur qed tiġġedded u tvarja inizzjattivi innovattivi.

Preżenti kien hemm ukoll iċ-Chairman ta’ SportMalta Luciano Busuttil u bosta rappreżentanti tal-entitajiet imsieħba f’dan il-proġett fosthom Benna Dairy Products Ltd, Miller Distributors Ltd u Mater Dei Dentistry Department.





Leave a comment