- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Mountain Bikers Maltin laħqu l-aspettativi tagħhom fi Sqallija

Posted By Sportinmalta On October 2, 2019 @ 11:30 am In Cycling,Featured | No Comments

Mountain Bikers Maltin għal darb’oħra ħallew isem tajjeb għal Malta meta ħadu sehem fl-Etna Maratona li saret dan l-aħħar. Din it-tellieqa hija meqjusa bħala waħda mill-iktar tlielaq affaxxinanti tal-mountain bike fl-Ewropa u li tattira wħud mill-aqwa ċiklisti professjonali fix-xena tal-mountain biking!

Il-kontinġent Malti kien magħmul minn Marie Claire Aquilina, Etienne Bonello, Clive Ebejer, Justin Gauci, Ramon Grech, Stephen Grima, Mark Micallef, Patrick Scicluna, Jason Vella, Christian Zammit u Mark Zammit.

B’kundizzjonijiet tat-temp perfetti, iċ-ċiklisti kellhom jiffukaw fuq il-kundizzjonijiet brutali tar-rotta, kundizzjonijiet li huma magħrufa għalihom dawn it-tip ta’ tlielaq.

Ramon Grech, Justin Gauci u Marie Claire Aquilina kkompetew fit-tellieqa ħarxa tal-maratona ta’ 76km. Aquilina, li bla dubju hija r-reġina taċ-ċikliżmu lokali spiċċat fit-tieni post fil-kategorija tagħha u fir-raba post fil-klassifika ġenerali.

Il-bqija tal-kontinġent Malti ħadu sehem fit-tellieqa Granfondo, ta’ 46km. Din ir-rotta rat madwar 450 ċiklista jikkompetu fuq korsa li kienet tinkludi tlugħ vertikali ta’ 1,560m. Iċ-ċiklist veteran Patrick Scicluna, li jirrappreżenta lil FRM Team Sicilia, ikkompeta fil-kategorija Master 4 li kienet magħmula minn 76 ċiklist. Scicluna spiċċa fit-tielet post fil-kategorija tiegħu u fis-37 post fil-klassifika ġenerali.

Wirjiet notevoli ġew irreġistrati minn Etienne Bonello (is-6 post fil-Kategorija, id-29 post fil-klassifka generali), Jason Vella (it-8 fil-Kategorija, is-36 klassifka generali) u Clive Ebejer (is-7 fil-Kategorija, is-47  fil- klassifka generali).

It-tellieqa kienet valida għall-punti fil-UCI Marathon Points kif ukoll għall-Mediterranean Challenge li kienet tikkonsisti f’għaxar tlielaq, kollha miżmuma fi Sqallija. Din it-tellieqa tattira wħud mill-aqwa ċiklisti Ewropej.  Scicluna kkompeta f’erba tlielaq, fosthom in-Noto Granfondo, l-Etna Extreme, il-Marathon dei Nebrodi, u l-Etna Marathon. Preżentament, fil-klassifika ġenerali Scicluna kien fl-14-il kumplessiva f’qasam ta’ aktar minn 250 ċiklista.

Il-Malta Mountain Bike Association se tkun fl-azzjoni nhar il-Ħadd 6 ta’ Ottubru mit-tmienja ta’ filgħodu ‘il quddiem f’Selmun għat-tellieqa  tas-Serje Nazzjonali tal-Punt Nazzjonali Trustmoore Cross Country 2019. Għal aktar informazzjoni żuru www.maltamountainbike.org.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/mountain-bikers-maltin-lahqu-l-aspettativi-taghhom-fi-sqallija/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.