Mosta u Floriana ghat-titlu finali

Friday, August 2, 2013, 8:35

Minn Robert Busuttil

Iż-żewġ timijiet li spiċċaw fit-tieni post tal-gruppi rispettivi tagħhom, Mosta u Floriana għamluha għall-finali ta’ nhar il-Ħadd li ġej valida għat-Tazza AME meta għelbu lill-avversarji tagħhom b’mod konvinċenti.
Fl-ewwel logħba, Floriana minkejja li lagħbu għal aktar minn sebgħin minuta bi plejer anqas xorta kienu konsistenti biżżejjed sabiex għelbu lil Balzan 2-0.

IGOR CORONADO, fl-ewwel ħarġa tiegħu mal-Greens, fetaħ l-iskor wara ħdax -il minuta meta wara li ġibed għal nofs il-kaxxa l-kbira ħalla żewġ difensuri Balzanin warajh u b’lob delizzjuż għeleb lil Daniel Miguel Martinez.
Erba’ minuti wara, Balzan kellhom fejn iġibu l-iskor indaqs meta r-referi Mario Apap saffar għal penalti wara li Jose Luis Armaro Negrin twaqqa’ fil-kaxxa mill-gowler Furjaniż Sean Mintoff. Hawn l-uffiċjal tal-logħba kien pront wera l-karta l-ħamra lil Mintoff sabiex Floriana spiċċaw jilagħbu b’għaxra min-nies.
Daħal jilgħab il-gowler ta’ riserva, Daniel Hanford li bir-riflessi tajbin tiegħu nxteħet fuq in-naħa tal-lemin tiegħu u laqa’ l-penalti mogħti tajjeb ferm  minn Firas Aboulezz.

Hawnhekk kulħadd stenna reazzjoni rabbjuża ta’ Balzan li ftit setgħu jippenetraw lid-difiża organizzata Furjaniża u rari ħolqu perikli serji.
Anzi kienu Floriana li żiedu gowl ieħor meta s-sostitut ta’ Igor Coronado, AZIZ CORR NYANG approfitta minn żball difensiv ta’ Balzan u filwaqt li sab il-ballun ma’ saqajh iddepożita l-ballun fix-xibka għat-tieni gowl Furjaniż. Dan kien id-daqqa mortali għal Balzanin li dabbru l-ewwel telfa f’din il-kompetizzjoni filwaqt li kienu dell ta’ dak it-tim li tant wera logħob metodiku fil-fażi tal-gruppi.
Fit-tieni partita, Mosta għelbu lil Qormi bl-iskor ta’ 2-1. It-tim tar-Rotunda deher ferm organizzat f’din il-partita tant illi Danilo Doncic ħejja pjan ferm offensiv u pressing qawwi sabiex jikkontrolla lill-Qriema li għalkemm ippruvaw joħolqu ċerti okkażjonijiet ftit kienu effettivi lejn il-lasti ta’ Omar Borg.

Fit-23 minuta CHRISTIAN FERNANDES, li kumbinazzjoni lagħab bil-flokk numru 23, fetaħ l-iskor meta fajjar xutt minn barra l-kaxxa li ħasad mhux ftit lill-gowler Matthew Farrugia bejn il-lasti ta’ Ħal Qormi.
Il-Qriema ttantaw iwettqu reazzjoni iżda l-Mostin kienu fil-burdata tal-logħba u dehru konċentrati f’kull dipartiment.
Fl-54 minuta reġa kien għal darb’oħra CHRISTIAN FERNANDES li skorja t-tieni gowl sabiex kabbar il-vantaġġ għal Mosta.
Għalxejn kienu l-inklużjonijiet ta’ Enoch Barwuah u Emanuele Alessandri li ma sabux l-ispazji meħtieġa sabiex jagħmlu ħsara lid-difensuri Balzanin.
Minkejja kollox fit-83 minuta, Qormi reġgħu daħlu fil-logħba meta wara li pass lura lejn il-gowler Borg ta’ Mosta ma tantx kien kontrollat tajjeb sabiex pront bħal sajjetta daħal LEIGHTON GRECH  li naqqas il-marġni tal-iskor għat-tim tiegħu. Madankollu kien tard wisq sabiex issir rimonta sabiex mat-tisfira tar-referi Alan Mario Sant rat lill-plejers, diriġenti u partitarji Mostin jiċċelebraw din ir-rebħa sabiex għamluha fl-istadju tal-finali.

B’hekk nhar il-Ħadd nassistu għal żewġ finali ferm interessanti. Fil-final għat-tielet u r-raba’ post Qormi joħduha kontra Balzan sabiex warajhom jidħlu fix-xena l-finalisti Mosta u Floriana.





2 Comments

  1. J.dimech says:

    Kuragg Greens….AHNA DEJJEM WARAJKOM!

    [Reply]

    Rowsi Reply:

    Mhux b’xi tazza bhal din tistghu tifirhu :-) )

    [Reply]

Leave a comment