Miżuri ġodda mill-MFA sabiex tiġġieled l-akbar kankru fil-futbol

Saturday, July 21, 2012, 11:52

minn Caroline Attard.

 

Minkejja li f’dawn l-aħħar snin il-lobgħa tal-futbol kompliet tiżviluppa minn kull aspett huwa fatt magħruf li llum id-dinja kalċistika qegħda tħabbat wiċċha ma’ realta’ li ftit ftit tista’ teqred lil l-aktar dixxiplina sportiva segwita fid-dinja.

Id-diversi każi ta’ korruzjoni fil-futbol fuq sfera internazzjonali waslu li l-FIFA u l-UEFA sabiex jittieħdu l-passi meħtieġa u jrażnu lil dawn l-organizzazzjonijiet kriminali li rnexxilhom jinfiltraw  ruħhom fil-lobgħa tal-ballun. Dan wassal sabiex rajna saħansitra lil FIFA tinvesti flejjes kbar u tibda kampanja mal-Interpol f’dan ir-rigward filwaqt li l-president tal-UEFA Michel Platini iltaqa’ mal-ministri tal-isport tal-Kunsill tal-Ewropa biex iħeġġeġ pajjiżi membri l-liġijiet rispettivi u joħolqu konvenzjoni internazzjonali dwar il-match fixing.

Irridu nammettu li pajjiżna wkoll nħakkem minn din l-attivita illegali li qed ittappan l-integrita tal-lobgħa fejn bla dubju l-allegat każ tal-partita Norveġja vs Malta li intlagħbet f’Oslo fl-2007 kienet strumentali sabiex titqajjem aktar kuxjenza u titfa pressjoni adizzjonali fuq l-assoċjazzjoni Maltija sabiex taffronta din ir-realta’ b’aktar konvinzjoni billi tinvesti f’riżorsi fi ħdana li jiġġieldu  attivita illeċita.

L-MFA ħadet inizjattivi ġodda sbiex tissalvagwardja l-interessi u l-valuri  tal-futbol fejn matul din is-sena saret ħidma b’aktar serjeta’ grazzi għall-inroduzzjoni tal-prosekutur u l-Integrity Officer. Dawn id-dipartimenti qegħdin jibbażżaw l-investigazzjonijiet tagħhom mhux biss fuq ir-rapporti iżda anke fuq ir-riċerka u tkixxif. Filfatt, matul l-aħħar xhur kienu bosta l-investigazzjonijiet li saru u l-każijiet li ġew mistħarġa u annalizzati, uħud konklużi b’rapporti ppreżentati lill-Kumitat Eżekuttiv u eventwalment il-Kunsill.

Fir-rapport amministrattiv tal-assoċjazzjoni Maltija li ġie ppreżżentat matul l-AĠM, ġie żvelat li l-MFA għamlet ftehim mal-kumpanija Sportradar tal-iSvizzera, b’din tal-aħħar tgħaddi informazzjoni kruċjali wara li jsir monitoraġġ ta’ numru ta’ logħbiet matul kull tmiem il-ġimgħa.

Dan kien possibli grazzi għall-koperazzjoni u l-għajnuna li l-assoċjazzjoni għandha mal-Korp tal-Pulizija fejn qed isir tibdil ta’ informazzjoni bejn l-investigaturi. Aktar minn hekk sar magħruf li l-MFA qed tiltaqa’ b’mod regolari mal-klabbs lokali biex magħhom tagħmel proċess ta’ diliġenza dwar plejers barranin li jkunu se jiġu rreġġistrati fuq il-kotba tagħhom u kif ukoll dwar imprendituri barranin li juru interess li jinvestu fil-futbol Malti. B’dan il-modd l-MFA qiegħda tieħu kull prekawzjoni u qiegħda tgħarraf lill-klabbs rispettivi bir-riskji u l-implikazzjonijiet serji meta jkun hemm għalfejn.

Sabiex jikber l-għarfien dwar is-suġġett u dwar il-mudell użat mill-rganizzazzjonijiet kriminali, l-Integrity Officer beda kampanja informattiva immirat lejn il-membri kollha tal-MFA.

Bill-kollaborazzjoni tal-pulizija u l-kumpanija Sportradar matul din is-sena ġie organizzat seminar bl-isem ta’ Integrity and Betting li kien miftuħ għall-familja kollha tal-MFA.

Ma setax jonqos li l-aktar biċċa xogħol importanti matul dan l-aħħar staġun kienet l-investigazjoni li saret bir-reqqa dwar l-istess allegat każ ta’ korruzzjoni li jinvolvi xi plejers li kienu jiffurmaw parti mit-tim nazzjonali Malti fil-partita kontra n-Norveġja tal-2007. Dan il-każ bħalissa għadu f’idejn il-Control and Disciplanary Body tal-UEFA fejn mistennija tittieħed deċiżjoni finali dwar jekk saritx irregolarita li waslet sabiex ikun irranġat ir-riżultat skond l-esiġenzi tal-manipulaturi. Il-prosekutur u l-Integrity Officer tal-MFA għaddew ir-rapport tagħhom tal-investigazzjoni inizjali hekk kif kien mitlub mill-UEFA, b’kumissarji tad-dixxiplina tal-istess istutuzzjoni jżuru Malta, matul ix-xahar ta’ April, fejn ssoktaw bl-investigazzjonijiet  ta liema każ mistenni jkun deċiż fi żmien qasir.





1 Comment

  1. Tony Sant says:

    Naqbel mal-MFA u rridu nappogjawha. 

    [Reply]

Leave a comment