Mixja bħala ġest ta’ solidarjeta’ b’risq l-Istrina

Wednesday, December 12, 2012, 23:48

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, l-istudenti li ta’ kull nhar ta’ Sibt jattendu għal sessjonijiet ta’ Skola Sport fil-Kumpless Sportiv fir-Rabat Għawdex, ipparteċipaw f’mixja, bħala ġest ta’ solidarjetà mal-attivitajiet li qed jiġu organizzati b’risq l-Istrina 2012.

 

Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono ingħaqdet mal-parteċipanti ta’ Skola Sport u l-instructors tagħhom, fil-mixja li bdiet minn ħdejn il-Knisja ta’ Ħamet fil-limiti tax-Xagħra sal-bajja tar-Ramla. Mal-wasla tagħhom fir-Ramla, l-istudenti pparteċipaw f’logħob divertenti organizzat mill-koordinaturi ta’ Skola Sport stess. Kull min ipparteċipa f’din il-mixja ta donazzjoni b’risq l-Istrina, li ser tiġi ppreżentata mir-rappreżentanti żgħar lill-President ta’ Malta, Dr George Abela, f’attività li ser tittella’ aktar tard matul dan ix-xahar.

 

L-Onor. Giovanna Debono esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-fatt li għalkemm ta’ età daqstant żgħira, dawn it-tfal ipparteċipaw f’din l-attività biex jgħinu lil dawk fil-bżonn. Dan filwaqt li jkomplu jipprattikaw l-isport u l-eżerċizzju fiżiku li huwa tant essenzjali fil-ħajja ta’ kull individwu, biex ikun jista’ jgħix stil ta’ ħajja aktar b’saħħitha.

 

Dawk li pparteċipaw fil-mixja għall-Istrina huma parti mill-285 student Għawdxi mill-ewwel sena primarja sal-ewwel sena sekondarja, li din is-sena qed jattendu sessjonijiet sportivi f’edizzjoni oħra ta’ Skola Sport. Fost id-dixxiplini pprattikati, f’dan il-programm wieħed isib il-hip-hop, breakdance, table u lawn tennis, ċikliżmu, tixbit, ġinnastika, arti marzjali u ħiliet tal-futbol. Il-Ministeru għal Għawdex permezz tal-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex jipprovdi wkoll trasport b’xejn lill-istudenti mil-lokalitajiet kollha f’Għawdex għall-Kumpless Sportiv u lura.

 

Il-Ministru Giovanna Debono wriet sodisfazzjon għall-fatt li l-attendenza f’dan il-programm sportiv matul din is-sena laħqet ċifra rekord u fissret kif dan jawgura tajjeb għat-trawwim tat-tfal f’diversi dixxiplini sportivi. “Dawn qed jibbenefikaw ukoll minn ambjenti aktar akkoljenti li qed joffri dan il-Kumpless, li huwa riżultat ta’ ħidma kontinwa ta’ gvern li waħda mill-prijoritajiet tiegħu huwa li jħares l-interessi tat-tfal u l-familji Maltin u Għawdxin”, qalet il-Ministru Debono.





Leave a comment