Mill-ġdid finali bejn Bupa Luxol u Hibernians

Monday, February 26, 2018, 19:43

Bank of Valletta Knock-out Irġiel

minn Colin Schembri

Bupa Luxol 87

Gżira Athleta 81

(20-25)(28-18)(15-26)(24-12)

Bupa Luxol reġgħu għelbu lil Gżira Athleta wara r-rebħa fil-kampjonat u din id-darba eleminawhom mill-BOV Knock-out b’rebħa ta’ 87-81 f’partita mill-isbaħ. Il-partita ġiet deċiża fl-aħħar taqsima li Athleta bdewha sitta minn fuq però run stupenda minn Luxol fl-aħħar waħda rathom javvanzaw għall-finali. Luxol inkludew lil Dirk Schembri għal din il-partita mportanti fil-waqt li Athleta ma rkuprawx lil Michael Naudi. Athleta ħadu vantaġġ ta’ 9-5 kmieni fil-partita wara punti minn Omar Said u Jon Feiler. Luxol kellhom risposta permezz ta’ Nicola Vasovic u Kyle Meyer flimkien ma’ trippla ta’ Willam Ahlberg li poġġiethom fuq quddiem 14-11. Peter Shoults ukoll wieġeb bi trippla għall-Athleta u reġa’ poġġijhom fuq quddiem iżda l-vantaġġ reġa’ nbidel wara baskets ta’ Meyer u Ahlberg. Hawn waslu żewġ trippli konsekuttivi minn Said biex Athleta temmew it-taqsima 25-20 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Luxol resqu viċin bit-three pointers ta’ Jean Paul Schembri u Ahlberg. Iż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin qabel ma Luxol għamlu run ta’ 11-2 bi trippla ta’ Meyer u marru 45-39 minn fuq. Trippla fuq kull naħa ħalliet l-istess distakk bis-sessjoni tagħlaq b’basket ta’ Feiler bil-Luxol fuq quddiem 48-43.

Fit-tielet sessjoni Luxol fetħu vantaġġ ta’ disa’ punti wara baskets minn Vasovic u Keith Dimech. Athleta bdew jirkupraw u punti minn Ivan Mitrovic, Feiler flimkien mat-three pointers tal-istess Mitrovic u Shoults rawhom imorru minn fuq 59-58. Meyer kellhu jinbidel minħabba r-raba’ foul u Athleta komplew b’run oħra ta’ 10-3 biex fi tmiem il-perjodu kienu sitta minn fuq 69-63. Fl-aħħar taqsima, Feiler kabbrilhom il-vantaġġ iżda Athleta waqfu hawn. Luxol bdew run ta’ 20-2 b’disa’ punti konsekuttivi ta’ Dimech flimkien ma’ Vasovic u Ahlberg biex marru 10 minn fuq 83-73. L-aħħar sforzi tal- Athleta waslu minn żewġ trippli ta’ Shoults però ma kienx għad fadlilhom ħin u Luxol ħarġu rebbieħa 87-81.

Bupa Luxol: CJ Cordina, M. Sjoberg, N. Vasovic 17, J. Mellilo, JP Schembri 7, K. Dimech 22, W. Ahlberg 21, K. Meyer 15, A. Micallef Trigona, D. Schembri 5.

 

Gżira Athleta: B. Zammit, S. Saakian, P. Shoults 18, L. Stefanovic, F. Mifsud Bonnici, O. Said 14, N. Xuereb, S. Vincic, I. Mitrovic 14, J. Feiler 35.

Referees: Emanuel Mangani, Zvezdan Dobrosaviljevic, Tuomas Mantere.

Starlites GIG 58

Hibernians 82

(15-17)(23-21)(5-22)(15-22)

Fit-tieni semi-finali, Hibs għelbu lil Starlites GIG 82-58 biex

Ritratt: Wally Galea

għal darb’oħra se jkollna finali bejniethom u l-Luxol nhar is-Sibt 31 ta’ Marzu, xi ħaġa li ġrat fis-Super Cup, fis-Shield u ftit ġimgħat ilhu fit-tazza Louis Borg. Minkejja d-distakk finali ta’ 24 punt, Hibs kellhom jistennew sa’ wara l-intervall biex jieħdu l-partita f’idejhom hekk kif sal-mistrieħ iż-żewġ timijiet kienu fuq parita ta’ 38-38. Għal Starlites kien hemm ir-ritorn għal-logħob wara żmien twil ta’ Thomas Grech fil-waqt li Hibs irkupraw lil Roderick Vella wara injury li ħalliethu barra għal diversi ġimgħat. Hibs kellhom l-aħjar bidu bit-three pointers ta’ Alvaro Lizaur, Luke Farrugia u Chad Patus b’Mitchell Brewe iwieġeb għal Starlites. Starlites komplew bi trippla ta’ Robert Bonnici flimkien m’aktar punti ta’ Brewe biex naqqsu d-distakk għal basket fi tmiem is-sessjoni 17-15. Fit-tieni perjodu, Hibs reġgħu fetħu tajjeb permezz ta’ Patus u Anton Axiaq u reġgħu marru 10 minn fuq 25-15. Starlites ma ċedewx u punti ta’ Brewe flimkien ma’ trippla minn Alec Felice Pace ressquhom viċin qabel ma Patus, Vella u Marco Matijevic reġgħu stabilixxew vantaġġ ta’ 8 punti għal Pawlisti 36-28.  Starlites għamlu rimonta oħra din id-darba bit-three pointers minn Brewe u Shawn Pace biex għamlu l-iskor indaqs 38-38.

Wara l-intervall, Starlites saħansitra marru fuq quddiem bi trippla ta’ Bonnici. Din donnha ġabet f’tagħhom lil players ta’ Mario Tabone għaliex Hibs irrispondew b’run ta’ 16-0 b’żewġ trippli ta’ Lizaur flimkien ma’ Matijevic, Patus u Axiaq biex marru 56-41 minn fuq. Starlites waqqfuhom b’basket ta’ Brewe però Hibs għamlu 4 punti oħra minn Matijevic u Patus għal skor ta’ 60-43. Fl-aħħar sessjoni, Starlites ppruvaw jerġgħu jidħlu fil-partita wara punti minn Brewe, Grech u Ryan Carabott. Hibs però għamlu run oħra ta’ 12-2 bi trippla oħra ta’ Patus biex marru 24 punt minn fuq u kellhom il-partita f’idejhom. L-aħħar minuti servew biex il-coach Tabone juża l-players ta’ fuq il-bank fosthom Luca Tardito u Isaac Bonett li t-tnejn irnexxielhom iniżżlu isimhom fost l-iskorers hekk kif rebħu l-partita 82-58.

Starlites GIG: S. Pace 9, T. Grech 2, R. Bonnici 11, A. Schembri 2, S. Borg, M. Falzon, A. Felice Pace 7, R. Carabott 4, O. Psaila, I. Felice Pace, J. Wait, M. Brewe 23.

 

Hibernians: R. Vella 2, P. Attard, K. Sultana, L. Farrugia 3, S. Attard, I. Bonnett 2, L. Tardito 3, A. Axiaq 13, M. Matijevic 16, A. Lizaur 20, F. Mariani, C. Patus 22.

Referees: Bernard Vassallo, Nicky Azzopardi, Ivica Simic.





Leave a comment