- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Miljun Ewro kienu mqassma f’sena lill-assoċjazzjonijiet sportivi

Posted By Sportinmalta On January 28, 2016 @ 7:52 pm In Featured,General | No Comments

Gavin Muscat

SportMalta ppreżentat l-aħħar sett ta’ għajnuniet finanzjarji lill-assoċjazzjonijiet u atleti individwali biex b’kollox, matul is-sena 2015, tat madwar miljun ewro f’assistenza finanzjarja. Fl-aħħar ċerimonja kien preżentat total ta’ ’l fuq minn €300,000, li kien jinkludi għajnuna għall-10 proġetti relatati ma turiżmu sportiv.

B’kollox kienu 214 atleta u assoċjazzjoni li bbenefikaw minn assistenza finanzjarja matul is-sena li għadha kemm spiċċat. Dawn kienu maqsumin f’erba’ ċerimonji, bl-aħħar waħda tkun dik tal-bieraħ filgħaxija. SportMalta torganizza erba’ ċerimonji sabiex l-assoċjazzjonijiet sportivi u l-atleti ma jkollhomx jistennew żmien twil għall-assistenza finanzjarja. Dawn huwa parti mir-riforma ta’ SportMalta għall-benefiċċju tal-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet, biex b’hekk tagħtihom aktar ċertezza biex jippjanaw finazjarjament.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius aċċenna għall-fatt li fil-ġimgħat li ġejjin ser ikun qiegħed jitnieda l-abbozz tar-riforma tal-kummerċjalizzazzjoni tal-faċilitajiet sportivi, sabiex l-assoċjazzjonijet ma jibqgħux jiddependu biss fuq SportMalta, imma jibdew jkunu awto-suffiċjenti. Huwa semma’ wkoll li fil-ġimgħat li ġejjin se titnieda għall-konsultazzjoni din ir-riforma, u ħeġġeġ lill-pubbliku sabiex jibgħat ir-rimarki tiegħu.

Mark Cutajar, l-Aġent Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, semma’ li x-xewqa tas-Segretarjat Parlamentari u ta’ SportMalta hija li s-sena 2017, is-sena tal-Presidenza tal-Unjoni Ewropeja, tkun is-sena tal-isport għal pajjiżna. Huwa ħeġġeġ lill-assoċjazzjonijiet preżenti biex jorganizzaw attivitajiet internazzjonali f’pajjiżna tul dik is-sena. Cutajar fakkar li, SportMalta, flimkien mal-Għaqda Ġurnalisti Sport, se tkun qiegħda għal darb’oħra torganizza serata waħda ta’ għoti ta’ unuri li ser issir nhar it-13 ta’ Frar, u ħeġġeġ lill-assoċjazzjonijiet sportivi sabiex jinnominaw l-aħjar atleti tagħhom. Cutajar semma li fiż-żmien li ġej se jibda x-xogħol biex ikunu preparati serje ta’ emendi sabiex il-Liġi tal-Isport tkun konforma mal-kuntest preżenti. Semma’ wkoll li l-proġetti li tħabbru f’Novembru diġà bdew jitlestew u li fil-11 ta’ Jannar ser ikun aġġudikat it-tender biex jiġu identifikati il-periti għad-disinn tal-estensjoni tal-Kottonera u tal-Youth Village f’Santa Venera.

Iċ-Chairman ta’ SportMalta, Luciano Busuttil, saħaq fuq l-importanza li SportMalta u l-assoċjazzjonijiet jiġbdu ħabel wieħed għall-ġid tal-isport f’pajjiżna. Huwa aċċenna għall-bosta proġetti li imbarkat fuqhom SportMalta, bl-għan li aktar assoċjazzjonijiet jutilizzawhom.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/miljun-ewro-kienu-mqassma-fsena-lill-assocjazzjonijiet-sportivi/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.