Jintemmu l-elezzjonijiet fi ħdan l-AGM tal-MFA

Saturday, July 20, 2013, 13:30

minn Catherine Micallef.

 

Is-Sur Norman Darmanin Demajo ri-ikkonferma ruħu bħala President tal-MFA hekk kif minn 140 votant, kellu l-fiduċja ta’ 117 votant. It-23 vot l-ieħor kienu għall-kontestant l-ieħor Dr. Peter Fenech. Fid-diskors tiegħu fl-għeluq ta’ dan l-AGM, Darmanin Demajo kkwota lil Papa Franġisku b’din is-sentenza ” Real Power is being of service to others.”

Illum kienet proprju l-ġurnata fejn saret il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Malta Football Association. Kienet ġurnata importanti ħafna u anki ta’ stennija hekk kif matul dan l-AGM saret l-elezzjoni għall-President tal-MFA kif ukoll għall-Viċi Presidenti. Il-kontestanti għall-Presidenza ta’ din l-Assoċjazzjoni  kienu l-President attwali Mr. Norman Darmanin Demajo kif ukoll l-ex-viċi President tal-MFA, l-avukat Dr. Peter Fenech. Għall-kariga ta’ Viċi President li għaliha jiġu eletti tlieta, kien hemm sitt  kontestanti – it-tliet Viċijiet attwali : Alex Manfre, Carmelo Bartolo u l-perit Ludovigo Micallef flimkien mat-tliet kontestanti ġodda Dr. Chris Bonett – l-avukat tal-istess MFA, Peter Busuttil,  u l-President tal-Malta Futsal Association Donald Spiteri. Matul dan l-AGM saret ukoll l-elezzjoni għall-2 membri ordinarji tal-kunsill fil-Kumitat Eżekuttiv fejn il-kandidati kienu Victor Cassar, Michael Cutajar, Joseph Farrugia u Charles Scerri.

Dan is-sit www.sportinmalta.com ta rendikont u updates regolari dwar dak kollu li kien qed jiġri minn ġewwa l-Excelsior Hotel illum is-Sibt 20 ta’ Lulju, 2013.

 

09:00am – 09:30am – Reġistrazzjoni għall-membri kollha u media.

09:30am – 09:35am – Tibda l-AGM b’merħba lill-mistiedna barranin –  lil Dr. Giancarlo Abete – President tal-FIGC u Viċi President tal-UEFA kif ukoll Thierry Favre – Senior Manager National Associations Division tal-UEFA.

09:35am – 09:40am – Tislima lil membri u impjegati fi ħdan l-MFA li ħallew din id-dinja matul l-aħħar sena : George Micallef, Ronnie Attard, Carmelo Cutajar. Paul Borg Inguanez.

 

09:40am – Is-Segretarju Ġenerali Joe Gauci jgħajjat il-lista ta’ dawk kollha li rreġistraw ruħhom biex ikunu jistgħu jitfgħu l-vot tagħhom.

 

09:45am –  Il-President tal-MFA jagħmel kelmtejn fil-qosor u jisħaq li l-futbol jgħaqqad lin-nies u mhux jifred u llum hija biss logħba importanti għaliex proprju hemm iktar affarijiet importanti li qed jiġru fid-dinja.

 

09:50am -  Isiru l-approvazzjoni tal-minuti.

 

10:00am – Jinqara r-rapport Amministrattiv mis-CEO tal-MFA Bjorn Vassallo.

Vassallo iddikjara uffiċjalment li dak li kien imwiegħed fil-programm elettorali ġie mwettaq … issemmew diversi proġetti li kienu mwegħda tliet snin ilu u li llum ġiet imwettqa. Vassallo tenna “Intom fdajtu f’idejna u tafu dak li nsarrfu – aħna konna prattiċi u effiċjenti…. Skoprejt li fl-MFA hemm nies kapaċi u li jekk turihom fiduċja iħallsuk lura b’rispett”. Is-CEO tal-MFA iddikjara li id-dħul tal-Malta Football Association kiber b’ċifri importanti. Dan qabeż l-20 miljun Ewro , bl-aħħar sena jkun hemm dħul ta’ 9.3 miljun ewro. Vassallo kompla “Għalkemm investejna sostanzjalment fil-faċilitajiet sportivi tal-klabbs, xorta rnexxilna nagħmlu profitt u dan huwa ċertifikat li nista’ nagħtihulkom jien” … DAK LI KIEN IMWIEGĦED SAR !!! Bjorn Vassallo temm id-diskors tiegħu billi saħaq li l-MFA li hawn illum hija ħafna iktar soda mill-assoċjazzjoni li sabu tliet snin ilu. Fl-aħħar intwera filmat dwar it-tim nazzjonali Malti tal-futbol u s-suċċessi li ġab dan l-aħħar.

10:30am – 11:00am – Jinqara r-rapport finanzjarju mit-Teżorier tal-MFA Antoine Portelli.

Is-sur Portelli iffoka r-rapport tiegħu fuq il-figuri ta’ din l-aħħar sena pero b’referenza wkoll għal dawn l-aħħar tliet snin. Fost iċ-ċifri msemmija u li wieħed jinnota, hemm il-profitt ta’ €2.3 miljuni fuq l-operat, profitt ta’€310,000 fuq il-propjeta li kellha l-MFA ġewwa l-Belt Valletta kif ukoll l-interessi ta’ €192,000 fuq self b’total ta’ profitt ta’ €2.5 miljuni għal din is-sena.

Issemma wkoll l-investiment dirett ta’ €2.2 miljuni lill-klabbs bl-introjtu wkoll ta’ €1.2 miljuni ta’ grants mill-gvern.

Portelli saħaq li d-dħul mill-UEFA u mill-FIFA ma naqasx, pero ta’ min jinnota wkoll id-dħul sostenibbli  mill-pixxina f’Ta’ Qali kif ukoll l-income tal-clinic li minn dħul ta’ €16,000 fis-sena 2011 kien hemm qabża għal €64,000. Hawnhekk, it-teżorier faħħar il-ħidma tat-tabib Dr David Attard u t-tim mediku kollu. Issemma wkoll id-dħul mid-drittijiet televiżivi b’referenza speċjali għal-logħba Italja vs Malta li kien hemm dħul sostenibbli minnha.

F’dawn l-aħħar 3 snin, l-ispejjeż li qabel kienu jħallsu għalihom il-klabbs, l-MFA issa ħallset €2.5miljuni. Portelli għamel referenza u tqabbil mal-investiment fil-klabbs li sar bejn il-perjodu 2011-2013 u l-perjodu ta’ qabel 2008-2010, fejn f’dan tal-aħħar kien hemm investiment ta’ €2.55 miljun kontra l-€11.5miljuni li kien hemm f’dawn l-aħħar 3 snin.

It-teżorier tal-MFA ta spjegazzjoni taż-€2.2miljuni  żieda fl-assets tal-MFA. Hawnhekk issemmew il-proġetti varji li saru fosthom il-foyer fil-VIP area, il-VIP area, l-LED’s, l-iscoreboard, it-technical centre, it-turnstiles, is-sala t’isfel, il-press rooms, is-sala tal-kunsill, is-substitute benches u proġetti oħra fost l-oħrajn. Antoine Portelli qal ukoll li huwa proprju issa li l-MFA qiegħda tirkupra u d-dejn ta’ €4miljuni li għandha jinkludi wkoll il-loan tal-Millenium Stand.

Qabel temm id-diskors tiegħu, it-teżorier tal-MFA semma l-Financial Fair Play u tkellem b’mod dirett biex il-klabbs ma jiddejnux jekk ma jistgħux isostnu d-dejn tagħhom.

Finalment, Antoine Portelli indirizza lis-sala u qal li llum proprju se jtemm uffiċjalment il-kariga tiegħu bħala teżorier tal-MFA u se jħalli kollox f’idejn is-suċċessur tiegħu Ivan Mizzi. Meta mistoqsi minn dan is-sit, Portelli stqarr li huwa biss minħabba kwistjoni ta’ xogħol li se jtemm il-kariga tiegħu u għaliex ma tistax tokkupa żewġ karigi importanti fl-istess ħin.

11.00am : Tibda l-votazzjoni. Kien hemm 142 persuna intitolata li tivvota. Voti miġbura – 140, b’4 minnhom jivvutaw kmieni matul il-ġimgħa minħabba safar jew xogħol. Dan ifisser li min iġib l-ewwel 71 vot jikkonferma ruħu bħala President tal-Assoċjazzjoni. F’nofsinhar eżatt, kien hemm 117 vot għal Norman Darmanin Demajo, 23 għal Dr. Fenech. Dan ifisser iktar minn 83% tal-voti ri-ikkonfermaw lil Norman Darmanin Demajo bħala President.

 

12:15pm: Issa se tibda l-votazzjoni għall- Viċi President tal-MFA. Ghal din il-pożizzjoni hemm 6 kontestanti li minnhom iridu jitilgħu 3 : Carmelo Bartolo, Dr. Chris Bonett, Peter Busuttil, Alex Manfre, Ludovico Micallef u Donald Spiteri. Kien hemm 138 vot validu. Carmelo Bartolo = 59 vot, Dr. Chris Bonett =101 vot, Ludovico Micallef 75 vot, Peter Busuttil = 7 voti, Alex Manfre = 75 vot u Donald Spiteri 48 vot.

 

Immedjatament wara saret il-votazzjoni għaż-żewġ membri ordinarji fl-Eżekuttiv – Victor Cassar – 67 vot, Michael Cutajar – 64 vot, Joseph Farrugia – 60 vot, Charles Scerri – 53 vot.

Eletti – Ludovico Micallef, Alex Manfre u Chris Bonett. Is-sur Carmelo Bartolo tilef postu wara li kien ilu iktar minn 20 sena fil-kariga ta’ Viċi President.

Hawnhekk intemmet il-votazzjoni f’dan l-AGM tal-lum is-Sibt 20 ta’ Lulju, 2013. Iċ-Chairman tal-Kummissjoni Elettorali kien Joe Bajada.

 

Finalment, għaddiet mozzjoni biex il-plejer Julian Briffa jingħata amnestija għal sena sospensjoni minn sospensjoni għal għomru mill-football. Dan skont il-whistleblower act. Għal din il-mozzjoni astjenew 14, 9 kienu kontra u 68 kienu favur.

 

 

 





Leave a comment