Messaġġ mis-Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ġurnalisti tal-iSport

Thursday, July 4, 2013, 8:21

Kollegi,

Huwa ta’ sodisfazzjoni għall-Ghaqda Gurnalisti Sports illi bħala l-għaqda nazzjonali li tħares id-drittijiet u l-ħarsien ta’ faċilitajiet fost l-oħrajn għall-ġurnalisti membri, bħala l-unika għaqda tal-ġurnalisti f’Malta msiehba u rikonoxxuta mill-AIPS tingħaqad ma’ 148 pajjiz fl-okkażjoni tal-Jum Dinji ddedikat għalina li naħdmu fix-xena tal-ġurnaliżmu u r-rappurtaġġ sportiv.

Bl-introduzzjoni f’dawn l-aħħar snin tas-Social Media ħafna jħossuhom li spiċċalhom l-entużjażmu li jiktbu jew ixandru storja esklussiva għaliex tkun ħarġet fuq xi sit elettroniku. Dan il-fatt m’għandux jaqta’ qalb il-ġurnalisti u wisq iktar m’għandux ixekkel jew inaqqas minn kwalinkwa inizjattiva simili.

Il-ġurnalist tal-iSport u wisq aktar dawk imsieħba mal-GħĠS jridu jzommu dejjem f’moħħhom li finalment aħnanaħdmu bħala ġurnalisti u aħna nibqgħu s-sors uniku ta’ min jafda fuqu u mhux min jisma’ xi ħaġa u jiktibha fuq il-paġna personali tiegħu jew ta’ xi grupp

B’referenza għas-sors, tajjeb li wiehed jiftakar fil-privileġġ sagrosant li kull ġurnalist għandu, dak li qatt ma jikxef is-sors tiegħu l-anqas f’ċirkostanzi estremi meta tkun mitluba informazzjoni minn xi uffiċjal għoli ta’ xi assoċjazzjoni, pulizja u saħansitra mill-Qorti. Dan hu dritt fundametali ta’ kull ġurnalist u li jrid jibża għalih.

Xtaqt ukoll f’dan il-jum nesprimi s-solidarjeta’ ma’ ġurnalisti tal-iSport Maltin u anke barranin li għal xi raġuni jew oħra fil-passat kienu fil-mira ta’ attakki personali jew bojkott minn individwi jew assoċjazzjonijiet sportivi. Niftakru f’dan il-jum fl-ikbar każ li qatt kellna f’Malta meta membru tal-Ghħqda tagħna, Tonio Farrugia kien spiċċa persona non grata mill-MFA. Dak iż-żmien fortunatament għadda u l-affarijiet tranġaw fi ħdan l-MFA, iżda minkejja li żmien itaffi xorta ma jnessi qatt.

Nuri solidarjeta’ ma min ipprova jxandar storja fl-interess tal-pubbliku in ġenerali u spiċċa vittma ta’ intriċċi.

L-Għaqda Ġurnalisti Sports dejjem kienet hemm biex taqbeż għad-drittijiet tal-membri tagħha u jekk se tibqa’ tagħmel iktar u iktar illum il-ġurnata b’amministrazzjoni żagħżugħa u proattiva. Għalkemm l-assoċjazzjoni tagħna statutorjament mhux Union bħal ma hu fil-każ ta’ pajjiżi oħra, xorta l-GħĠS se tibqa’ taħdem u tgħin lill-membri tagħha f’kull ma jittratta ix-xogħol tagħna bħala ġurnalisti u reporters tal-iSport.

Finalment l-GħĠS tawgura kull suċċess fil-ħidma ta’ ġurnalist  ta’ esperjenza u tawgura futur mill-isbaħ f’din il-linja lil dawk il-ġurnalisti żgħażagħ li bdew ix-xogħol ġurnalistiku sportiv matul din laħħar sena.

 

Sandro Micallef

Segretarju Ġenerali

Għaqda Ġurnalisti Sports 





Leave a comment