Mellieħa Tritones u Hibs jibdew bir-rebħ

Tuesday, November 19, 2013, 18:36

KAMPJOANT BANK OF VALLETTA 2 DIVIŻJONI

minn Colin Schembri

Mellieħa Tritones 54

Miscela D’oro Mtarfa 49

(15-12)(10-7)(14-6)(15-24)

Miscela D’oro Mtarfa kienu viċin li jwettqu rimonta fl-ewwel partita tal-kampjonat Bank of Valletta tat-tieni diviżjoni kontra Mellieħa però kienu Mellieħa li wara d-diżappunt tas-shield ħarġu rebbieħa 54-49. Mellieħa kellhom lil Simon Cutajar jieħu post Jason Sant fil-waqt li għal Mtarfa ddebutta Viktor Petrovic iżda kien nieqes Timothy Zammit. Mellieħa bdew tajjeb bil-punti ta’ Samuel Aquilina u marru 8-3 minn fuq. Mtarfa wieġbu bil-punti ta’ Daryyl Schembri u trippla ta’ Daniel Farrugia. Rihards Polis ukoll għamel trippla għal Mellieħa flimkien ma’ basket ta’ John Muscat. Is-sessjoni għalqet b’żewġ baskets ta’ Jarnis Viibe li kien qiegħed jirritorna għal Mtarfa għal skor ta’ 15-12 favur Mellieħa. Mellieħa komplew iżidu l-vantaġġ fil-ftuħ tat-tieni sessjoni wara punti ta’ Aquilina u Glenn Gauchi Grech. Fir-raba’ minuta waslet ir-risposta ta’ Mtarfa bi trippla minn Nicholas Grech. Punti konsekuttivi ta’ Clint Grixti raw lil Mellieħa jżidu d-distakk u daħlu jistrieħu 25-19 minn fuq.

Wara l-intervall Mtarfa bdew b’basket ta Schembri b’Polis iwieġeb għal Mellieħa bit-tieni trippla tiegħhu. Mellieħa komplew bi break ta’ 11-2 b’punti ta’ Joshua Aquilina u Polis fost l-oħrajn biex fi tmiem is-sessjoni kellhom vantaġġ ta’ 14 –il punt 39-25. Ir-raba’ taqsima fetħet b’basket fuq kull naħa qabel ma Mtarfa kellhom run ta’ 14-4 bi tlett trippli ta’ Kurt Xuereb u Grech u naqqsu d-distakk għal 3 punti 41-44. Punti ta’ Grixti u Aquilina taw ftit tan-nifs lil Mellieħa li marru tmienja minn fuq 49-41. Daniel Farrugia għamel sitt punti oħra għal Mtarfa li ġew sa basket ‘l bogħod 47-49. Mellieħa rnexxielhom jikkontrollaw l-aħħar sforzi ta’ Mtarfa biex ħarġu rebbieħa 54-49.

Mellieħa Tritones: C. Grixti 11, M. Farrugia 8, J. Muscat 2, S. Cutajar, S. Aquilina 10, P. Magro, O. Sammut, J. Aquilina 7, R. Polis 10, P. Cauchi, G. Gauchi Grech 2, K. Cucciardi 4.

Miscela D’oro Mtarfa: J. Attard, M. Agius 2, K. Xuereb 6, C. Calleja 1, N. Grech 9, D. Farrugia 15, S. Zammit 4, J. Viibe 4, V. Petrovic 3, D. Schembri 5.

Referees: Clive Terribile, Emanuel Mangani

Hibs 75

Phoenix The Chef Bistro 39
(9-9)(27-7)(19-10)(20-13)

Wara żewġ telfiet fil-logħob tas-shield, Hibs kellhom wirja mill-aqwa kontra Phoenix The Chef Bistro biex ħadu l-ewwel rebħa tal-kampjonat 75-39. Ħafna aktar kien mistenni minn Phoenix minkejja li kienu mingħajr Jonathan Ransley. Għal Hibs kien hemm id-debutt ta’ tlett players barranin Svens Niedritis mil-Latvja, Jordan Scott Flagel li huwa Kanadiż u l-Pollakk Kamid Maruda. L-ewwel sessjoni ma tatx indikazzjoni li Hibs kien se jkollhom rebħa faċli hekk kif spiċċat f’parita ta’ 9-9. Kien hemm it-trippli ta’ Simon Attard għal Hibs u Luke Azzopardi għal Phoenix. Phoenix kellhom ukoll il-punti ta’ Goran Mitrovic qabel ma Hibs għalqu s-sessjoni b’basket ta’ Flagel. Fil-ftuħ tat-tieni perjodu l-partita baqgħet bilanċjata minkejja li kien hemm it-trippla ta’ Kieron Caruana għal Hibs hekk kif għal Phoenix kien hemm il-punti kontinwi ta’ Andres Toompere. Hawn iżda beda d-dominju ta’ Hibs b’żewġ runs qawwija ta’ 12-0 u 10-0 fejn apparti t-trippli ta’ Flagel u Attard bdew ġejjin ukoll il-punti ta’ Niedritis li għamel disa’ punti konsekuttivi. Phoenix għamlu biss basket wieħed minn Darryl Pisani i s-sessjoni ntemmet bi trippla ta’ Caruana u Hibs daħlu jistrieħu 20 minn fuq 36-16.

Fit-tielet perjodu kien hemm iżjed dominju minn Hibs li bdew bi break ieħor ta’ 10-0 bi three pointers ta’ Flagel u Attard. Phoenix kellhom risposta qasira bi break ta’ 8-2 b’punti ta’ Mitrovic però Hibs għalqu l-perjodu b’ħames punti oħra għal skor ta’ 55-26. Ir-raba’ sessjoni fetħet b’żewġ baskets ta’ Clayton Camenzuli għal Phoenix bil-Hibs iwieġbu bi break ta’ 13-2 b’punti ta’ Niedritis, Ryan Carabott u trippla oħra ta’ Attard. Il-partita issa kienet magħluqa u Hibs ikkontrollaw l-aħħar minuti biex ħarġu rebbieħa 75-39.

Hibs: S. Niedritis 19, J. Scott Flagel 8, B. Zammit, L. Farrugia 2, S. Atttard 21, A, Baldacchino 8, K. Caruana 6, C. Bugeja, K. Sultana 2, R. Carabott 9, G. Agius, K. Maruda.

Phoenix The Chef Bistro: L. Azzopardi 3, G. Micallef, T. Grech 2, K. Azzopardi, D. Debattista, C. Briffa, C. Camenzuli 9, D. Pisani 9, C. Aguis, A. Costa, G. Mitrovic 9, A. Toompere 7.

Referees: Clive Terribile, Luke Camilleri.





Leave a comment