Mellieħa Tritones u Athleta fil-finali

Tuesday, October 11, 2016, 17:32

ST. JAMES HOSPITAL SHIELD 2 DIVIŻJONI

minn Colin Schembri

Mellieħa Tritones 68

Marvels Power Plus 46

(17-11)(16-8)(16-18)(19-9)

Fl-ewwel semi-finali mis-St.James Hospital Shield iltaqgħu Mellieħa Tritones kontra Marvels Power Plus. Mellieħa kellhom xi tibdil mill-istaġun li għadda primarjament fit-tmexxija tat-team li għaddiet f’idejn Don Ross u players li waqfu bħal Clint Grixti u Steve Sammut. Marvels kienu bl-istess team tal-ewwel partita. Wara bidu bilanċjat fuq parita ta’ 6-6, Mellieħa marru fuq quddiem bil-punti ta’ Daniele Miani u trippla ta’ Ian Terribile. Marvels irrispondew b’ħames punti però Mellieħa għalqu t-taqsima fuq quddiem 17-11 wara trippla ta’ Rihards Polis. Fit-tieni perodu spikkaw it-three pointers fuq kull naħa minn Terribile u Polis għal Mellieħa u Luke Azzopardi u Kyle Magri għal Marvels. Fl-intervall Mellieħa kienu 33-19 minn fuq.

Wara l-mistrieħ Marvels għamlu run ta’ 10-2 biex naqqsu d-distakk għal sitt punti b’baskets konsekuttivi minn Darryl Pisani. Mellieħa rkupraw bil-punti ta’ Emanuel Lupo u trippla oħra ta’ Terribile għal skor ta’ 49-37. Fl-aħħar sessjoni Mellieħa bdew b’run oħra ta’ 11-2 biex fetħu vantaġġ ta’ 21 punt 60-39 u ma kellhomx diffikulta joħorġu rebbieħa 68-46.

Mellieħa Tritones: R. Polis 16, M. Farrugia, R. Loporto 6, I. Terribile 22, B. Aquilina 6, D. Miani 7, E. Lupo 11.

Marvels Power Plus: L. Azzopardi 10,  L. Galea, D. Pisani 14, R. Curmi 2, D. Debattista 4, C. Camenzuli 2, M. Formosa, C. Briffa 8, J. Ransley 3, K.Magri 3.

Referees: Emanuel Mangani, Zvezdan Dobrosaviljevic.

Gżira Athleta 54

Siġġiewi St. Nicholas 44

(14-6)(13-11)(14-13)(13-14)

Bidu tajjeb minn Gżira Athleta kien biżżejjed biex joħorġu rebbieħa fit-tieni semi-finali kontra Siġġiewi St. Nicholas u javvanzaw għall-finali tas-St. James Hospital Shield. Athleta nkludew lill-player Amerikan Kwame Thompson u fuq il-bank issa huma mmexxija minn Sandro Farrugia. Siġġiewi u St. Nicholas Suns amalgamaw flimkien taħt it-tmexxija tal-coach Adrian Baldacchino li jfisser ir-ritorn ta’ Siġġiewi fil-basketball wara nuqqas ta’ staġun. Siġġiewi kienu minn fuq fl-ewwel minuti wara punti minn Hubert Agius iżda sa’ tmiem is-sessjoni Athleta kellhom run ta’ 11-0 biex temmewha 14-6 minn fuq. Fit-tieni taqsima Siġġiewi naqqsu d-distakk bi trippla ta’ Robert Camilleri u baskets minn Gabriel Agius. Athleta wieġbu bil-punti ta’ Thompson biex daħlu jistrieħu 27-17 minn fuq.

Fit-tielet perjou Siġġiewi għal darbtejn waslu sa’ seba’ punti ‘l bogħod iżda Athleta kellhom run ta’ 7-0 b trippla ta’ Luca Stefanovic biex baqgħu 11 minn fuq 41-30. Fl-aħħar taqsima Athleta għarfu jikkontrollaw l-isforzi ta’ Siġġiewi li rnexxielhom inaqqsu d-distakk għal disa’ punti wara trippla oħra ta’ Camilleri. Sat-tmiem il-partita kien hemm baskets fuq kull naħa biex Athleta rebħu l-partita 54-44

Gżira Athleta: R. Zammit, F. Mifsud Bonnici 2, J. Wait 4, J. Aquilina 5, M. Giusti 8, M. Gauchi Montaldo, J. Symmons 2, K. Thompson 30, L. Stefanovic 3, S. Vincic, M. Cilia, D. Buhagiar.

Siġġiewi St. Nicholas: J. Carter, JP Antoncic 2, K. Scicluna 10, H. Agius 12, G. Agius 10, R. Alosco, R. Camilleri 6, C. Bezzina, K. Maruda, M. Ciantar 4.

Referees: Stephen Micallef, Igor Marjanovic.





Leave a comment