Mellieħa Mr. Green jisfurzaw il-ħames partita

Sunday, April 5, 2015, 0:06

KAMPJONAT BANK OF VALLETTA 2 DIVIŻJONI – FINALI

minn Colin Schembri

Mellieħa Mr. Green 62

Hibs 55

(19-6)(17-20)(14-10)(12-19)

Mellieħa Mr. Green għamlu dak li sa ftit ġranet biss ilhu deher impossibli meta huma kienu tilfu l-ewwel żewġ partiti tal-finali. Però t-team immexxi minn Ian Curmi wera qalb kbira u karattru fiż-żewġ logħbiet ta’ wara biex taw żewġ telfiet konsekuttivi lil Pawlisi u issa se jkunu l-aħħar erbgħin minuta li se jiddeċiedu l-kampjonat. Mellieħa kienu mingħajr Jan Stupka, Ian Terribile u Paul Magro fil-waqt li Hibs kellhom nieqes lil Mike Giusti. Mellieħa ħadu l-ewwel vantaġġ bil-punti ta’ Robert Loporto u trippla ta’ Michel Farrugia. Hibs wieġbu b’baskets ta’ Luke Farrugia u  Stefan Vella però dawn kienu l-aħħar punti tagħhom fis-sessjoni. Minn hemm ‘l quddiem kienu biss Mellieħa li kisbu l-punti meta għamlu run ta’ 12-0 b’diversi punti ta’ Emanuel Lupo flimkien ma’ Loporto u Farrugia biex temmew l-ewwel sessjoni fuq quddiem 19-6. Fit-tieni taqsima, Hibs bdew b’basket ieħor ta’ Farrugia però Mellieħa wieġbu permezz ta’ trippla ta’ Polis u aktar punti ta’ Lupo. Vella kellhu basket u trippla għal Hibs. Id-dħul ta’ Churchill Barrows ta spinta lill-attakk ta’ Hibs però Mellieħa kellhom żewġ trippli oħra minn Farrugia u Polis. Sa’ tmiem il-perjodi kien hemm punti fuq kull naħa biex Mellieħa daħlu jistrieħu 10 minn fuq 36-26.

Wara l-intervall reġgħu kienu Mellieħa li bdew tajjeb b’żewġ baskets konsekuttivi minn Lupo u Samuel Aquilina. Hibs komplew isibu diffikulta fl-attakk u kisbu biss tlett free-trhows b’Mellieħa jżidu l-vantaġġ bi three pointer ta’ Loporto. Hibs irkupraw b’run ta’ 9-2 bi trippla ta’ Simon Attard però Mellieħa għamlu erba’ punti oħra qabel tmiem it-taqsima għal skor ta’ 50-36. Hibs bdew l-aħħar sessjoni bi break ieħor ta’ 9-2 bil-punti ta’ Barrows u Farrugia biex naqqsu d-distakk għal seba’ punti 45-52. Il-coach ta’ Mellieħa ħtieġlu jagħjjat time-out biex iwaqqaf il-mument ta’ Hibs u huma kellhom il-punti ta’ Clint Grixti u Lupo. Sas-seba’ minuta, Mellieħa kienu għadhom sebgħa minn fuq u minkejja li fl-aħħar ħinijiet żbaljaw diversi free-throws, Hibs m’approfittawx. Mellieħa b’hekk setgħu jiċċelebraw ir-rebħa fuq skor ta’ 62-55 u issa se nistennew il-ħames finali biex naraw min se jerbaħ dan il-kampjonat. Din se tintlagħab nhar il-Ħadd 12 t’April fil-11.15 ta’ filgħodu.

Mellieħa Mr. Green: C. Grixti 6, M. Farrugia 10, J. Muscat, S. Aquilina 2, R. Polis 8, R. Loporto 11, J. Aquilina, E. Lupo 25, B. Soler.

Hibs: M. Humpton 3, A. Baldacchino, L. Farrugia 9, S. Attard 4, G. Agius 3, K. Caruana 2, R. Cortis, K. Sultana, S. Vella 8, F. Mariani 6, C. Barrows 20.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Zvezdan Dobrosaviljevic.

Ritratti: MBA face-book: https://www.facebook.com/media/set/?set=a.680090148763133.1073742015.113448038760683&type=1





Leave a comment