Mellieħa Mr. Green jibqgħu jittamaw

Tuesday, March 31, 2015, 23:26

KAMPJONAT BANK OF VALLETTA 2 DIVIŻJONI – FINALI

minn Colin Schembri

Hibs 59

Mellieħa Mr. Green 62

(15-19)(22-11)(11-12)(11-20)

Mellieħa Mr. Green għamlu dak li ħadd ma rnexxielhu jagħmel dan l-istaġun meta taw l-ewwel telfa lil Hibs fit-tielet finali tal-kampjonat Bank Of Valletta biex żammew ħajjin it-tamiet tagħhom. Quddiem pubbliku ferm numeruż, iż-żewġ timijiet offrew partita akkanita u missielta sal-aħħar sekondi. Mellieħa għandhom il-mertu li baqgħu jemmnu minkejja li għal diversi drabi kellhom jiġru wara l-avversarji. Hibs bdew il-partita bi trippla ta’ Fabrizio Mariani u fit-tielet minuta kienu 5-3 minn fuq. Mellieħa wieġbu b’run ta’ 10-0 fosthom sitt punti ta Rihards Polis flimkien ma’ Clint Grixti u Robert Loporto. Hibs kellhom żewġ baskets konsekuttivi ta’ Luke Farrugia però Loporto wieġeb għal Mellieħa u minkejja trippla ta’ Farrugia, Mellieħa temmew l-ewwel taqsima 19-15 minn fuq. Mellieħa kabbru l-vantaġġ fil-bidu tat-tieni sessjoni meta kellhom żewġ baskets oħra minn Polis u Michel Farrugia 23-15. Hawn iżda Hibs kellhom mument mill-aqwa meta għamlu run stupenda ta’ 18 –il punt mingħajr risposta. Farrugia kompla fejn ħalla fl-ewwel sessjoni flimkien ma’ Mariani, Kieron Caruana, Micheal Giusti u Simon Attard li kollha kisbu l-punti f’din ir-run. Mellieħa finalment waqqfuhom b’basket ta’ Loporto però Hibs kellhom żewġ baskets oħra minn Gabriel Agius. Qabel l-intervall Polis kellhu trippla għal Mellieħa però Hibs daħlu jistrieħu 37-30 minn fuq.

https://www.facebook.com/pages/MPC-Photography/1514051275539716

Fil-ftuħ tat-tielet taqsima Hibs żiedu l-vantaġġ wara trippla minn Attard. Mellieħa tejjbu l-logħba tagħhom speċjalment fid-difiża fejn għal tmien minuti ħallew lil Hibs fuq żewġ freethrows hekk kif għamlu run ta’ 12-2 bi trippla ta’ Loporto biex ġabu l-iskor indaqs 42-42. Fl-aħħar minuta u nofs, Hibs kellhom sitt punti mingħajr risposta għal skor ta’ 48-42. Fl-aħħar taqsima l-partita kompliet tkun akkanita bil-Mellieħa jibdew bi trippla ta’ Polis f’run ta’ 7-0 biex reġgħu marru punt minn fuq. Hibs wieġbu b’sitt punti minn Mariani u Caruana biex sa nofs it-taqsima kienu fuq quddiem 54-49. Hawn Mellieħa għamlu run importanti ta’ 9-0 bi trippla oħra ta’ Loporto flimkien ma’ Grixti, Michel Farrugia u Emanuel Lupo. Hibs ma ċedewx u trippla ta’ Farrugia ġabet l-iskor indaqs 58-58 fl-aħħar minuta. Hawn Mellieħa kellhom tlett free-throws b’Farrugia jfalli tnejn għal Hibs biex Mellieħa rebħu l-partita 62-59. B’hekk huma sfurzaw ir-raba’ logħba li se ssir is-Sibt 4 ta’ April fis-siegħa ta’ wara nofsinhar.

Hibs: M. Giusti 7, M. Humpton, A. Baldacchino, L. Farrugia 16, S. Attard 8, G. Agius 4, K. Caruana 4, R. Cortis, K. Sultana, S. Vella, F. Mariani 18, C. Barrows 2.

Mellieħa Mr. Green: C. Grixti 8, M. Farrugia 6, J. Muscat, S. Aquilina 1, R. Polis 17, R. Loporto 21, J. Aquilina, E. Lupo 7, I. Terribile 2, B. Soler.

 

Referees: Bernard Vassallo, Emanuel Mangani, Zvezdan Dobrosaviljevic.

 

Ritratti: MPC Photography : https://www.facebook.com/pages/MPC-Photography/1514051275539716?fref=nf





Leave a comment