Mdina Gran Prix 2012
Wednesday, October 17, 2012, 22:12minn Stephen Azzopardi
Il-Ħadd li għadda ġiet fi tmiemha t-tieni edizzjoni tal-Mdina GP. Din l-attivita’ ġiet organizzata mill-Valletta Grand Prix Foundation. Fil- fatt kienet fis-sena
2009 li ġiet organizzata għal ewwel darba l-Valletta Gran Prix. Din kienet reġgħet saret ukoll fis-sena ta’ wara. Izda s-sena l-oħra minħabba l-proġett tal-Belt Valletta saret għal ewwel darba fl-Imdina u hekk ukoll din is-sena.
L-Mdina GP kienet mifruxa fuq erbat ijiem. Il-Ħamis 11 ta’ Ottubru saret Hill Climb fl-Imtahleb. Il-Ġimgħa saret Concours d’Elegance fil-Pjazza tal-Kattidral. Is-Sibt saru tiġrijiet kontra l-ħin fuq bażi individwali u pole position għal Ħadd. Fl-aħħarnett matul il-jum tal-Hadd saru t-tlielaq għal 7 kategoriji differenti, fejn f’kull kategorija ħadu sehem minn 6 sat-8 karrozzi.
Iltqajna mal- vici president Joe Said li minbarra li spjegalna il-programm tal-Mdina GP, wera s-sodisfazzjon tiegħu għal interess li l-pubbliku wera billi attenda bi hġaru għal din l-attivita’. Ħadna wkoll xi kummenti mingħand wieħed mill-parteċipanti s-Sur Joseph Mifsud. Mifsud ha sehem bil-karrozza Triumph Herald. Huwa ilu jieħu sehem sa’ mill-edizzjoni tal-2009. Fil-fatt fil-Valletta GP tal-2009 kien ġie t-3 overall, fl-2010 kellu jieqaf minħabba xi hsarat fil-karrozza, fl-ewwel edizzjoni fl-Mdina tas-sena l-oħra ġie fit-2 pożizzjoni overall u fl-edizzjoni ta’ din is-sena ġie l-ewwel overall.
Joseph Mifsud, min-naħa tiegħu kien sodisfatt ħafna u qalilna li kemm hu kemm il-parteċipanti l-oħra jkollhom stennija kbira għal dan l-avveniment. Qal ukoll li f’Malta hawn ħafna li huma dillettanti tal-motorsport u jixirqilhom li jkollhom attivitajiet bħal dawn. Ta’ min jgħid ukoll li l-Maltin fejn jidħol dan l-isport ksibna success anki barra minn xtutna. Fil-fatt l-istess Joseph Mifsud ħa sehem Sqallija s-sena li għaddiet u kiser ħin ta’ 2 minuti u 30 sekonda li kien biss 4 sekondi l-bogħod mir-rekord miksub.
Minn dak li qalulna l-Viċi President tal-Valletta Gran Prix Foundation, s-Sur Joe Said u s-Sur Joseph Mifsud, stajna ninnutaw l-imħabba li għandhom lejn il-karrozzi. Forsi l-uniku kumment negattiv li kellna kien dwar l-istat tat-toroq tagħna, li ma tantx għenet lis-sewwieqa. Dan minħabba l-fatt li t-triq ma tkunx mogħtija l-istess tip ta’ asfaltar u anki l-istat ħażin tat-toroq. F’ pajjiżna ġieli ssemma jekk hawnx post ghal track apposta ghal attivitajiet bhal dawn. Tghid il-ħolma ta’ hafna dillettanti, xi darba ghad issir realta`?








