Matthew Gauci rebbieħ tal-Kampjonat Nazzjonali WotoMoto Enduro

Wednesday, June 26, 2019, 12:46

Nhar il-Ħadd li għadda l-Assoċjazzjoni Sport Mutur u Karozzi kompliet bl-aħħar impenji mil-Kampjonat Nazzjonali Wotomoto Enduro 2018/2019, bl-aħħar attività li ġiet organizzata fil-Barriera tal-Fawwara. 17 il-Kompetitur irreġistraw għal din il-kompetizzjoni li kienu maqsuma f’erba’ klassijiet.

Il-kompetituri għamlu l-ewwel provi fuq korsa twila 3 kilometri. Matul il-Pole Position Bernard Sammut fuq mutur Beta irreġistra l-inqas u l-ewwel ħin tal-ġurnata segwit minn Matthew Gauci fuq mutur Beta u Garry Debono fuq mutur KTM.

F’taqtigħa bejn Sammut u Gauci, dan tal-aħħar kien b’vantaġġ żgħir fuq Sammut imma xorta f’din il-ġurnata kien kruċjali biex Gauci jieħu dan it-titlu.

Fl-ewwel Heat uffiċjali Gauci ħasad lil Sammut billi dan irreġistra l-ewwel l-aħjar ħin ta’ 3 minuti 2.044 sekondi segwit minn Sammut bil-ħin ta’ 3 minuti 5.456 sekondi. Dawn kienu segwiti minn Aidan Camilleri fuq KTM b’ħin ta 3 minuti u 29.95 sekondi.

Fit-Tieni Heat uffiċjali Gauci kompla jtejjeb il-ħin tiegħu fejn irnexxielu iniżżel il-ħin tiegħu għal taħt iż-żewġ minuti b’ħin ta’ 2 minuti 53.704 sekondi segwit minn Sammut li wkoll tejjeb il-ħin tiegħu taħt iż-żewġ minuti b’ħin ta 2 minuti 57.03 sekondi. Gauci u Sammut matul din il-Heat kienu segwiti minn Garry Debono b’ħin ta 3 minuti 19.038 sekondi.

Fir-rizultat finali tal-ġurnata ‘overall’ Matthew Gauci fuq mutur Beta rebaħ din l-attivita u b’hekk sar Ċampjin għall-ewwel darba fil-Kampjonat Nazzjonali Wotomoto Enduro tal-2018/2019. Matul dan l-istaġun Gauci irnexielu jirbaħ tliet attivitajiet minn sitta waqt li fit-tlieta l-oħra rebaħ zewġ events fit-tieni post u waħda fit-tielet post. B’hekk Gauci għalaq il-klassifika Nazzjonali b’107 punti segwit minn Bernard Sammut fuq mutur Beta. Sammut rebaħ it-titlu ‘Runner-up’ tal-Klassifika b’total ta 94 punt. Tul dan l-istaġun Sammut kien sfurzat jitlef attivita minħabba inċident li kellu minkejja li rnexielu jirbaħ tliet attivitajiet minn  ħamsa li ħa sehem fijhom waqt li fit-tnejn l-oħra rehaħ it-tieni post.

F’riżultati oħra tal-klassijiet kellna lill Aidan Camilleri fuq mutur KTM li rebaħ il-klassi B segwit minn Gabriel Muscat fuq mutur KTM u lill Roger Grima fuq mutur Honda li spiċċa fit-tielet post. Fil-Klassi C Kyle Stone fuq mutur KTM rebaħ din il-klassi segwit minn Kurt Muscat fuq mutur Yamaha. Fil-klassi Juniors Julian Scicluna fuq mutur Oset electric rebaħ din il-klassi segwit minn Antonie Muscat fuq mutur KTM.

L-Assoċjazzjoni tawgura liċ-Ċampjin Matthew Gauci u tirringrazzja lil kompetituri kollha u li Sponsor Ewlieni WotoMoto li għal darbaoħra għamlu dan il-Kampjonat suċċess. Il-Kampjonat Wotomoto Enduro 2019/2020 jirritorna f’Ottubru li ġej.

Il-Kumitat Amministrativ tal-ASMK għalaq ir-reġistrazzjoni tal-‘Van Demolition Derby 2019’. Għal din l-edizzjoni hemm 16-il kompetitur li mistennija jieħdu sehem fl-attività li ħa issir is-Sibt 13 ta’ Lulju 2019 tard filgħaxija taħt id-dawl artifiċjali.

Iktar informazzjoni wieħed jista jsibha fis-sit elettroniku www.asmk.org.mt jew fil-paġni Facebook bl-isem A.S.M.K. Malta jew Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi. Wieħed jista jagħmel kuntatt bl-email info@asmk.org.mt jew Mobile 9942 5489.

Rittrati ta’ Mario Micallef





Leave a comment