Marvels Power Plus kontra Gżira Athleta fil-finali

Monday, March 6, 2017, 19:27

KAMPJONAT BANK OF VALLETTA 2 DIVIŻJONI

minn Colin Schembri

Marvels Power Plus u Gżira Athleta kisbu żewġ rebħiet fl-ewwel żewġ semi-finali kontra Siġġiewi St. Nicholas u Mellieħa Tritones rispettivament biex se jkunu huma li jilgħabu għar-rebħ tal-kampjonat. L-ewwel finali ssir fil-15 ta’ Marzu.

Gżira Athleta 60

Mellieħa Tritones 54

(16-15)(13-15)(11-6)(20-13)

Mellieħa Tritones lagħbu l-aħjar partita tagħhom tal-istaġun però xorta ma kienx biżżejjed biex jagħtu l-ewwel telfa lil Gżira Athleta fl-ewwel semi-finali tal-play-offs. Mellieħa marru 7-2 minn fuq u għalkemm kien hemm ir-risposta minn Athleta minn Kwame Thompson u Nathan Xuereb, Mellieħa baqgħu fuq quddiem permezz ta’ Clint Grixti u Bernard Soler. Kien lejn tmiem it-taqsima li Athleta għamlu run ta’ 8-0 biex ħadu vantaġġ ta’ punt 16-15. Fit-tieni perjodu Athleta komplew ikabbru l-vantaġġ però Mellieħa ġew lura u kellhom it-trippli ta’ Ian Terribile u Grixti biex reġgħu marru minn fuq u din id-darba żammew il-vantaġġ sal-halftime 30-29.

Fit-tielet perjodu l-punti naqsu fuq iż-żewġ naħat hekk kif il-punti tal-Athleta ġew biss minn Thompson li kellhu wkoll trippla. Mellieħa kellhom il-punti ta’ Samuel Aquilina u Terribile biex Athleta temmew is-sessjoni 40-36 minn fuq. Fl-aħħar taqsima, Mellieħa baqgħu jinsistu u bit-tielet trippla ta’ Terribile u l-punti ta’ Daniele Miani reġgħu marru minn fuq. Ir-risposta tal-Athleta ġiet minn Stefan Vincic u Mark Cilia flimkien ma’ Thompson biex fetħu vantaġġ ta’ disa’ punti. L-aħħar sforz ta’ Mellieħa reġa wasal minn Miani u trippla oħra minn Terribile però l-ħin kontra tagħhom u Athleta ħadu n-nifs u ħarġu rebbieħa 60-54.

Gżira Athleta: R. Zammit, M. Giusti 2, J. Wait 2, J. Aquilina 1, L. Stefanovic, M. Gauchi Montaldo, N. Xuereb 4, K. Thompson 38, C. Schembri, S. Vincic 9, M. Cilia 4, D. Buhagiar.

Mellieħa Tritones: C. Grixti 10, M. Farrugia, N. Petrucci 1, R. Loporto 5, I. Terribile 13, J. Vibe, D. Miani 11, S. Aquilina 6, B. Soler 8.

Referees: Bernard Vassallo, Emanuel Mangani, Jennifer Mangani.

Siġġiewi St. Nicholas 53

Marvels Power Plus 54

(12-10)(5-18)(12-16)(24-10)

Marvels Power Plus kisbu l-ewwel rebħa fis-semi-finali f’partita kumbattuta fekm raw vantaġġ qawwi jisfaxxa fix-xejn hekk kif Siġġiewi rnexxielhom jagħmlu l-iskor indaqs fl-aħħar sekondi u kellhu jkun free-throw ta’ Darryl Pisani li ta r-rebħa lil Marvels. L-ewwel sessjoni kienet bilanċjata biż-żewġ timijiet jirrispondu lil xulxin bil-Marvels ikollhom trippla ta’ Andras Toompere bis-Siġġiewi jirrispondu permezz ta’ Keith Scicluna u Hubert Agius għal skor ta’ 12-10. Marvels iddominaw it-tieni perkfou hekk kif bdew bi break ta’ 8-0 maqsum bejn Jonathan Ransley u Toompere. Siġġiewi waqqfuhom bil-punti ta’ Svens Niedritis però Marvels komplew bi trippla ta’ Luke Azzopardi u punti ta’ Pisani biex daħlu jistrieħu 28-17 minn fuq.

Marvels komplew jikkontrollaw fit-tielet perjodu fejn kellhom ukoll aktar three pointers minn Azzopardi u Darren Debattista. Siġġiewi tħabtu biex jersqu viċin iża kull darba Marvels kellhom risposta biex temmew it-tielet taqsima minn fuq 44-29. Fl-aħħar sessjoni il-partita nqalbet hekk kif Siġġiewi bdew jersqu viċin ferm u saħansitra kellhom diversi okkażjonijiet minn fuq il-free-throw line li però żbaljawhom. Fost l-oħrajn Siġġiewi għamlu run ta’ 12-1 u waslu sa’ tlett punti ‘l bogħod. Basket ta’ Ransley waqqfilhom din ir-run iżda Siġġiewi komplew bil-punti ta’ Roberto Alosco u Niedritis u għamlu l-iskor indaqs. Alosco kkometta foul eżatt wara li għamel l-iskor indaqs u minn fuq il-free-throw line Pisani għamel wieħed minn tnejn biex Marvels rebħu l-partita 54-53.

Siġġiewi St. Nicholas: JP Antoncic 5, K. Scicluna 13,  S. Niedritis 11, H. Agius 6, G. Agius 4, R. Alosco 10, R. Camilleri, R. Camilleri, J. Camilleri, K. Arvanitakis 4.

Marvels Power Plus: L. Azzopardi 11, D. Massa, D. Pisani 7, R. Curmi, D. Debattista 5, K. Maruda, D. Garcia, C. Briffa 6, A. Morris, J. Ransley 15, A. Toompere 10.

Referees: Bernard Vassallo, Emanuel Mangani, Jennifer Mangani.

Marvels Power Plus 63

Siġġiewi St. Nicholas 47

(14-8)(22-7)(16-21)(11-11)

Marvels ħadu r-rebħa li kellhom bżonn kontra Siġġiewi St. Nicholas biex saru l-ewwel finalisti għar-rebħ tal-kampjonat. Marvels iddominaw il-partita speċjalment fit-tieni sessjoni u minkejja tentattiv ta’ rimonta minn Siġġiewi fit-tielet sessjoni, Marvels ħarġu rebbieħa 63-47. Fl-ewwel sessjoni Marvels bdew bit-three pointers minn Darren Debattista u Luke Azzopardi u komplew b’run ta’ 10-0. Siġġiewi wieġbu bil-punti ta’ Hubert Agius però Marvels temmew it-taqsima 14-8 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Marvels komplew jiddominaw bi break ta’ 11-0. Siġġiewi waqqfuhom b’żewġ free-throws ta’ Keith Scicluna però Marvels żiedu l-vantaġġ tagħhom b’run oħra ta’ 11-2 bi trippli ta’ Debattista u David Garcia biex fetħu distakk ta’ 21 punt 36-15.

Wara l-intervall, kien hemm tentattiv ta’ rimonta minn Siġġiewi b’seba’ punti mingħajr risposta. Marvels ġew f’tagħhom b’run ta’ 8-2 u komplew b’sensiela ta’ free-throws minn Andras Toompere biex baqgħu 52-36 fuq quddiem. Bil-partita deċiża, l-aħħar taqsima kienet l-aktar waħda bilanċjata biż-żewġ timijiet jirrispondu lil xulxin biex Marvels setgħu jikkontrollaw il-partita u ħarġu rebbieħa 63-47 biex waslu sal-finali.

Marvels Power Plus: L. Azzopardi 3, D. Massa, D. Pisani, R. Curmi 6, D. Debattista 6, C. Briffa 10, A. Morris, D. Garcia 13, J. Ransley 14, A. Toompere 11.

Siġġiewi St. Nicholas: L. Grech 6, JP Antoncic 4, K. Scicluna 2,  H. Agius 14, G. Agius 8, R. Alosco 8, S. Opojevlic 4, R. Camilleri, R. Camilleri , J. Camilleri.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Miklos Rajczi.

Mellieħa Tritones 33

Gżira Athleta 74

(7-27)(8-19)(10-19)(8-9)

Kuntrarju għal li ġara fl-ewwel semi-finali, din id-darba Gżira Athleta kienu dominanti kontra Mellieħa Tritones biex kisbu rebħa 74-33 u kisbu t-tieni post fil-finali tal-kampjonat kontra Marvels. Athleta kellhom bidu tajjeb ħafna meta b’sensiela ta’ punti minn Kwame Thompson u Stefan Vincic kienu diġa 20 punt minn fuq fi tmiem l-ewwel sessjoni 27-7. Fit-tieni perjodu Athleta komplew b’run ta’ 13-2 bi trippla ta’ Thompson u l-punti ta’ Julian Wait. Mellieħa kellhom il-punti ta’ Sam Aquilina u Michel Farrugia però Athleta għamlu l-aħħar erba’ punti minn Mike Giusti u Joshua Aquilina biex daħlu jistrieħu 46-15 minn fuq.

Fit-tielet taqsima Athleta kellhom aktar punti minn Vincic u Thompson biex komplew jinqatgħu mill-avversarji. Huma żiedu l-vantaġġ bi trippla minn Luca Stefanovic għal skor ta’ 65-25. Fl-aħħar sessjoni l-punti naqsu fuq iż-żewġ naħat hekk kif ma kienx hemm dubju dwar ir-riżultat finalu hekk kif Mellieħa temmew l-impenji tagħhom għal dan l-istaġun u Athleta jkomplu bis-sensiela ta’ rebħ u issa jiffaċċjaw lil Marvels Power Plus għar-rebħ tal-kampjonat. L-ewwel finali tintlagħab nhar L-Erbgħa 15 ta’ Marzu.

Mellieħa Tritones: C. Grixti 2, M. Farrugia 2, N. Petrucci 2, R. Loporto 10, I. Terribile 2, J. Vibe, D. Miani 5, S. Aquilina 4, B. Soler 4.

Gżira Athleta: R. Zammit 4, M. Giusti, J. Wait 4, J. Aquilina 3, L. Stefanovic 13, M. Gauchi Montaldo 6, N. Xuereb 2, K. Thompson 23, C. Schembri, S. Vincic 19, M. Cilia 2.

Referees: Emanuel Mangani, Igor Marjanovic.





Leave a comment