Marvels Power Plus jerbħu l-ewwel partita

Monday, October 3, 2016, 23:29

ST. JAMES HOSPITAL SHIELD 2 DIVIŻJONI

minn Colin Schembri

Marvels Power Plus 70

Starlites 29

(11-9)(25-4)(22-9)(12-7)

Fl-ewwel partita mis-St.James Hospital Shield iltaqgħu Marvels Power Plus kontra Starlites. Marvels huma prattikament l-istess team ta’ Phoenix tal-istaġun li għadda fil-waqt li Starlites huma kompletament differenti hekk kif il-players li kaxkru l-unuri kollha l-istaġun li għadda se jipparteċipaw fl-ewwel diviżjoni. Iż-żewġ timijiet ħadu ftit ħin biex issetiljaw tant li kien hemm numru ta’ turn-overs fuq iż-żewġ naħat u Marvels fetħu vantaġġ ta’ basket 11-9. Fit-tieni taqsima Marvels tejjbu l-logħba tagħhom u bdew jinqatgħu mill-avversarji. Huma bdew bi break ta’ 9-0 bil-punti ta’ Jonathan Ransley u Christian Briffa. Starlites waqqfuhom b’basket ta’ Quentin Bugeja però Ransley u Briffa komplew jiddominaw taħt il-boards u komplew jiksbu l-punti fi break qawwi ta’ 16-2 biex daħlu jistrieħu 36-13 minn fuq.

Wara l-intervall iż-żgħażagħ ta’ Starlites komplew isibu diffikulta u Marvels komplew bi break ieħor ta’ 12-2. Luca Vella kellu trippla għal Starlites iżda kienu Marvels li għamlu l-aħħar 8 punti tat-taqsima għal skor ta’ 58-22. Fl-aħħar sessjoni kien diversi sostituzzjonijiet u l-partita reġgħat naqqset mir-ritmu hekk kif Marvels kienu ċerti mir-rebħa. Huma kellhom l-aħħar punti minn Luke Azzopardi u Briffa b’Bugeja jikseb l-aħħar punti ta’ Starlites biex Marvels rebħu l-partita 70-29.

Marvels Power Plus: L. Azzopardi 3,  L. Galea 6, D. Pisani 6, R. Curmi 2, D. Debattista 4, K.Magri 2, C. Camenzuli 6, M. Formosa 4, C. Briffa 19, J. Ransley 20.

Starlites: M. Schembri, M. Azzopardi 6, L. Vella 6, C. Doublet 4, M. Vella 2, I. Pace, A. Cutajar, Q. Bugeja 7, A. Xuereb 4.

Referees: Emanuel Mangani, Jennifer Mangani.





Leave a comment