Marsa Trinity rebbieħa tal-Kampjonat IASC tal-ewwel diviżjoni‏

Saturday, March 9, 2013, 2:49

minn Stephen Azzopardi

F’ Konfront deċiżiv ġewwa l-grawnd ta’ Tarxien Rainbows mill-Kampjonat IASC 2012/3 bejn Msida Red Stars u Marsa Trinity,minkejja l-kesħa numru sabiħ ta’ partitarji miż-żewġ naħat ġew bi ħġarhom u ħolqu atmosfera elettrizanti, iżda l-Marsin kienu aktar numerużi.

Qabel din il-logħba Msida Red Stars kienu qed jgħaddu lil Marsa Trinity fl-ewwel post b’żewġ punti biss.  Għalhekk għal Marsa kienet importanti ħafna din ir-rebħa għaliex bi draw kienu jkunu Msida li jirbħu dan il-kampjonat.  Ta’ min jinnota li f’dawn iż-żewġ timijiet kien hemm jilgħabu, ex plejers tal-kampjonat Premier tal-futbol bħalma huma Keith Fenech, Clifton Ciantar, Carmel Formosa u Ian Zammit li fil-preżent huwa l-kowċ tat-tim ta’ Balzan.  Kien hemm ukoll plejers li jilgħabu f’diviżjonijiet inferjuri oħra u plejers li regolarment jilgħabu fil-futsal.

Kienu Marsa Trinity li mill-ewwel wara biss żewġ minuti fetħu l-iskor permezz ta’ Mark Gauci.  Immedjata r-risposta ta’ Msida Red Stars li ġabu d-draw permezz ta’ Eric Saliba.  Marsa minn naħa tagħhom kellhom minn ta’ l-inqas tlett ċansijiet biex jerġgħu jmorru fil-vantaġġ.  Kien għalhekk li fl-aħħar minuta tal-ewwel taqsima, Glenn Barry għamilhom 2-1.

Fit-tieni taqsima rajna ċans ieħor għal Marsa li għal ftit ma għamlux t-tielet gowl.  Xutt ta’ Roderick Mifsud, itajjar il-gowler ta’ Msida, il-ballun ġie f’saqajn Glenn Barry li tefa l-ballun barra.  Msida wkoll kellhom iċ-ċansijiet tagħhom iżda Marsa Trinity ħarġu rebbieħa.  Marsa Trinity wara li s-sena l-oħra rebħu l-kampjonat tat-tieni diviżjoni u ġew promossi, din is-sena rebħu wkoll il-kampjonat tal-ewwel diviżjoni għal ewwel darba fl-istorja tagħhom.

Wara tmiem il-partita ma naqasx il-briju fost il-plejers, diriġenti u partitarji ta’ Marsa Trinity għal dan is-suċċess miksub.

Formazzjonijiet:
Msida Red Stars: E.Saliba, K.Scerri, A.Mifsud, M.Farrugia, M.Ciappara, G.Chircop, N.Corito, E.Farrugia, M.Borg Olivier, I.Zammit, S.Callus, A.Muscat, J.Camilleri, B.Borg, M.Florin, M.Ellul, J.Mallia, K.Fenech, C.Formosa.

Marsa Trinity: C.Ciantar, M.Gauci, I.Kurtusic, R.Camilleri, C.Guzman, C.Cassar, M.Sultana, R.Mifsud, K.Bonello, C.Schembri, C.Schembri, E.Azzopardi, G.Barry, E.Galea, M.Cocks, K.Azzopardi, A.Caligari, H.Spiteri.

Referee: Fyodor Zammit.





Leave a comment