Marsa St Michael u Valletta St Pauls jibqgħu ras imb’ras

Monday, January 20, 2020, 7:07

Marsa St Michael u Valletta St Pauls baqgħu ras imb’ras fil-kampjonat tal-ewwel diviżjoni tal-MAFA meta rebħu b’mod drammatiku l-konfronti rispettivi tagħhom.

It-tnejn li huma għandhom 13-il punt fil-klassifika u hekk kif intemm l-ewwel rawnd, it-tieni fażi tal-istaġun għandha tkun waħda ferm interessanti.

Anke Żurrieq Sunrise baqgħu jżommu l-pass ma’ ta’ fuq meta kisbu t-tliet punti tant importanti kontra Senglea Gunners.

Gowl fl-aħħar sekondi tal-logħba skorjat minn Juan Navarro ta t-tliet punti meħtieġa lil Valletta St Pauls meta għelbu l-isfida kbira li tawhom Balzan Youths AFC bl-iskor ta’ 2-1.

Kienet logħba ferm sabiħa, b’Balzan li rrispondew tajjeb għall-attakki Beltin bil-kowċ Kevin Curmi li ppjana logħba bbażata fuq kontrattakki veloċi lejn l-attakkant tagħhom Shaun Matintela.

Valletta marru minn fuq wara għaxar minuti logħob permezz ta’ Gary Tanti li għeleb lill-gowlkiper avversarju.

Ħames minuti minn tmiem l-ewwel taqsima, Shaun Matintela ġab l-iskor indaqs. Meta kollox kien jidher li l-logħba kienet se tispiċċa fi dro, pront wasal il-gowl ta’ rebħa skorjat minn Juan Navarro li kessaħ lill-plejers u diriġenti Balzanin.

Referì kien Aleksandar Jovanovic.

Anke Marsa St Michael tħabtu aktar milli mistenni meta għelbu lil Qormi Hotspurs bl-iskor ta’ 3-2. Iż-żgħażagħ Qriema offrew oppożizzjoni denja lit-tim li fuq il-karta kien aktar ikkwotat minnhom. Wara li sabu ruħhom gowl minn taħt, huma dawru l-iskor favurihom għalkemm wieħed ta’ min jammira d-determinazzjoni ta’ Marsa li baqgħu kalmi u ffukati sabiex kisbu rebħa ferm importanti li żżommhom fuq quddiem.

Kien Mohammed Telessi li poġġa lil Marsa St Michael fil-vantaġġ wara sitt minuti logħob sabiex l-ewwel taqsima għalqet 1-0 favurihom.

Fit-tieni taqsima rajna xejn inqas minn erba’ gowls li għamlu l-logħba aktar movimentata. Fil-45 minuta, Qormi ngħataw penalty wara irregolarita’ fil-kaxxa Marsija. Mill-11-il metru kien Jean Carl Cuschieri li ġab l-iskor indaqs sabiex ftit minuti wara skorja t-tieni gowl personali.

Marsa St Michael bdew iżidu d-doża tal-attakk tagħhom iżda kellhom ikunu l-aħħar ħames minuti li kienu determinanti għalihom. Fil-65 minuta Mohammed Telessi għaqqad doppjetta personali filwaqt li żewġ minuti wara, Dimitar Boyadzhiev skorja dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa.

Referì kien Thomas Debono.

Żurrieq Sunrise kisbu t-tielet rebħa staġjonali meta għelbu lil Senglea Gunners bl-iskor ta’ 1-0. Għal dawn tal-aħħar din kienet telfa diżappuntanti li tħallihom lejn in-naħa t’isfel tal-klassifika tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni.

Din kienet it-tieni darba li dawn iż-żewġ naħat iltaqgħu wara li ftit tal-ġimgħat ilu kienu iffaċċjaw lil xulxin fil-MAFA Christmas Cup.

Min-naħa l-oħra kompliet il-ħolma sabiħa tas-Sunrise li wara r-rebħ tal-Christmas Cup qed jaqtgħu figura ferm tajba fl-ogħla kampjonat tal-MAFA.

Wara taqsima fejn ma ġewx skorjati gowls, fit-tieni taqsima Żurrieq ħarġu tajjeb u skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa grazzi għall-awto-gowl sfortunat ta’ Radnor Farrugia.

Referì kien Darko Stankovic.

Fl-uniku logħba li kellna mill-kampjonat tat-tieni diviżjoni, Naxxar Victorians rebħu d-derby kontra l-ġirien Mosta Vikings bl-iskor ta’ ta’ 3-1. Din kienet rebħa ferm importanti għat-tim immexxi minn Frans Spiteri li qalgħethom mill-aħħar żewġ postijiet tal-klassifika.

Min-naħa ta’ Mosta Vikings din kienet is-sitt telfa konsekuttiva sabiex minn rawnd sħiħ għadhom ma ħadu l-ebda punt.

Naxxar kellhom l-ideat ċari sa mill-bidu u marru fil-vantaġġ wara sitt minuti logħob permezz ta’ Ousman Wattara. Huma rduppjaw l-iskor fit-28 minuta permezz ta’ penalty ta’ Fabrizio Farrugia.

Wara li l-ewwel taqsima għalqet 2-0 favur il-Victorians, dawn tal-aħħar baqgħu ffukati u reġa’ kien Fabrizio Farrugia li wettaq doppjetta personali wara li għeleb lill-gowlkiper avversarju.

Minuta wara Mosta Vikings skorjaw il-gowl ta’ konsolazzjoni permezz ta’ Ryan Tanti.

Referì kien Ray Tabone.

KLASSIFIKA MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI:

Marsa St Michael, Valletta St Pauls 13, Żurrieq Sunrise 11, Qormi Hotspurs 6, Senglea Gunners, Balzan Youths 5, Versity AFC 3

KLASSIFIKA MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI:

San Ġiljan Saints 15, Valletta Stars 12, Balluta Barracudas 11, Tarxien AFC 9, Naxxar Victorians 8, Fgura Spartans 5, Mosta Vikings 0

Sadanittant intlagħbet il-logħba preliminari mill-kompetizzjoni Knock-Out fejn Versity AFC għelbu lil Fgura Spartans bl-iskor ta’ 6-2.

Din ir-rebħa għenet lit-tim minn Tal-Qroqq sabiex javvanzaw għall-ewwel rawnd proprja tal-kompetizzjoni.

L-iskorer prolifiku tagħhom Yakubu Bilali kien awtur ta’ hat-trick filwaqt li Alejandro Ruiz skorja doppjetta. Alfonso Martinez żied ieħor għall-Versity.

Għal Fgura Spartans kienu Jake Gower u Ryan Bugeja li skorjaw iż-żewġ gowls ta’ konsolazzjoni.

Referì kien Wayne Sammut.





Leave a comment