Marsa St Michael jirbħu lil Żurrieq u jibqgħu jisfidaw

Monday, March 9, 2020, 7:52

Marsa St Michael jinsabu punt biss bogħod mil-liders Valletta St Pauls fil-klassifika tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA meta fil-partita tal-ġimgħa huma għelbu lil Żurrieq Sunrise bl-iskor ta’ 2-1. It-tim immexxi minn Francois Spiteri għandu partita nieqsa u jekk jirnexxielhom jieħdu t-tliet punti kontra Versity AFC, jitilgħu waħedhom fil-quċċata.

Min-naħa l-oħra, iċ-ċampjins Versity AFC ġejjin f’tagħhom wara rebħa tennistika ta’ 6-0 fuq Qormi Hotspurs sabiex ħallew għall-ewwel darba l-qiegħ tal-klassifika.

Fil-kampjonat tat-tieni diviżjoni, spikkaw ir-rebħiet ta’ Valletta Stars u San Ġiljan Saints li jinsabu ras imb’ras fil-quċċata tal-klassifika.

Mill-banda l-oħra Mosta Vikings ħadu l-ewwel punt tal-istaġun meta ġew fi dro ta’ mingħajr gowls kontra Tarxien AFC.

Fil-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni ġew skorjati disa’ gowls f’żewġ logħbiet filwaqt li f’dak tat-tieni diviżjoni kellna biss erba’ gowls biss fi tliet partiti.

Marsa St Michael kisbu rebħa prezzjuża ta’ 2-1 kontra Żurrieq Sunrise f’partita li kienet meqjusa bħala waħda diretta għar-rebħ tat-titlu.

Kienet logħba ferm mistennija bejn żewġ timijiet li qed ikollhom kampjonat ferm pożittiv. Għal Marsa din kienet il-ħames rebħa staġjonali li serviethom sabiex issa jinsabu biss punt bogħod mil-liders Valletta St Pauls.

Il-logħba kelli bidu mill-aqwa tant li ġew skorjati żewġ gowls fl-ewwel għaxar minuti logħob. Kien Nikolay Filipov li poġġa lill-Marsin fil-vantaġġ wara li għeleb lill-keeper Żurrieqi Valentin.

Minkejja dan l-iżvantaġġ, is-Sunrise baqgħu konċentrati u ġabu l-iskor indaqs tliet minuti wara permezz ta’ Marco Saraceno bl-ewwel taqsima tagħlaq fi dro ta’ 1-1.

Fit-tieni taqsima, Marsa St Michael skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa eżattament mas-siegħa logħob meta kien Deyan Madzaharov li għeleb lil Valentin għat-tieni darba sabiex ta tliet punti li jafu jiswew mitqlu deheb għall-kumplament tal-istaġun.

Referì kien Patrick Falzon.

Iċ-champions tal-istaġun li għadda Versity AFC kisbu rebħa kbira ta’ 6-0 kontra Qormi Hotspurs, f’dik li kienet meqjusa bħala logħba diretta kontra r-relegazzjoni.

Wara bidu diżastruż, it-tim immexxi minn Hamza Afifi ġej f’tiegħu tant li kiseb it-tielet riżultat pożittiv konsekuttiv.

Qormi Hotspurs dabbru s-sitt telfa staġjonali u f’din il-partita ddiżappuntaw ferm partikolarment fid-difiża fejn qalgħu xi gowls li setgħu ġew evitati.

Protagonista prinċipali kien l-attakkant mill-Marokk Mehdi Marboulahia li kien awtur ta’ tliet gowls sabiex xpruna lit-tim tiegħu għar-rebħa finali filwaqt li abbandunaw għall-ewwel darba l-aħħar post tal-klassifika.

Hekk kif l-ewwel taqsima għalqet 3-0 favur it-tim minn Tal-Qroqq, fit-tieni 35 minuta l-logħba qajla bidlet il-pjan tagħha tant li l-Versity sabu ċ-ċans jiskorjaw tliet gowls oħra permezz ta’ doppjetta ta’ Ubadike Ifeanyichukwu u Yakubu Bilali.

Referì kien Aleksandar Dovnonicic

Interessanti wkoll mistenni jkun il-kampjonat tat-tieni diviżjoni li fit-tmien ġurnata li ntlagħbet ilbieraħ fiċ-Charles Abela Stadium fil-Mosta tat indikazzjoni ta’ fejn jistgħu jmorru kemm l-unuri kif ukoll il-kwistjoni tal-promozzjoni.

San Ġiljan Saints u Valletta Stars rebħu partiti ferm delikati biż-żewġ timijiet li baqgħu ras imb’ras fil-quċċata.

Sa fl-aħħar rajna wkoll l-ewwel punti miksub mit-tim tal-qiegħ Mosta Vikings, b’Tarxien AFC li għal darb’oħra jonqsu milli jiskorjaw.

San Ġiljan Saints kisbu s-sitt rebħa staġjonali tagħhom meta għelbu lil Naxxar Victorians b’gowl uniku skorja fit-tieni taqsima.

Wara li l-ewwel taqsima ma pproduċiet l-ebda gowl, biż-żewġ difiżi li dehru ferm attenti, fit-tieni 35 minuta s-Saints fetħu tajjeb u marru minn fuq permezz ta’ gowl tajjeb ta’ Mamadou Jawo li għeleb lill-gowlkiper avversarju. Għall-attakkant mill-Gambja dan kien ir-raba’ gowl staġjonali tiegħu.

Naxxar Victorians ittantaw reazzjoni iżda bejn is-saves li wettaq il-gowlkiper ta’ San Ġiljan Saints u bejn xi okkażjonijiet mitlufa l-iskor baqa’ ma nbidilx.

Referì kien Lorry Sammut.

Valletta Stars mal-ewwel taw risposta lir-rivali tagħhom fil-quċċata b’rebħa tajba ta’ 2-1 fuq iż-żgħażagħ ta’ Balluta Barracudas. Dawn tal-aħħar kienu d-dell tat-tim li impressjona matul dan l-istaġun u diversi plejers kellhom partita kwieta. Ta’ dan approfittaw it-tim mill-kapitali li sfruttaw iċ-ċansijiet li ġewhom sabiex kisbu rebħa ferm importanti.

Eżatt ma’ tmiem l-ewwel taqsima, il-Beltin marru minn fuq meta kien hemm irregolarita’ fil-kaxxa ta’ Barracudas bir-referi jordna x-xutt mill-11-il metru. Inkariga ruħu mill-penalty Nunzio di Mauro li fetaħ l-iskor u filwaqt li skorja l-ħames gowl staġjonali tiegħu kien qed jilgħab l-aħħar logħba tiegħu mal-Istilel Beltin.

Fit-tieni taqsima, Valletta Stars ħarġu tajjeb u rduppjaw l-iskor permezz ta’ Hamza Camara.

Balluta Barracudas irrifjutaw li jarmu x-xugaman u reġgħu daħlu fil-logħba fit-48 minuta meta kien Angelo Migliore li avvanza u daħal fil-kaxxa filwaqt li ġie iffawljat minn difensur Belti bir-referi jordna penalty. Kien l-istess Migliore li għamel l-iskor 2-1.

Kien hawn li Balluta tefgħu kollox fuq l-attakk iżda sabu lid-difiża Beltija tiddefendi sa snienha sabiex naqqsu milli jagħmlu xi periklu ta’ barra minn hawn.

Referì kien Reno Galea.

Wara sitt telfiet konsekuttivi, Mosta Vikings kisbu l-ewwel punt tal-istaġun meta spiċċaw fi dro ta’ 0-0 kontra Tarxien AFC. Għal dawn tal-aħħar dan kien it-tieni dro ta’ mingħajr gowls li rreġistraw u t-tielet logħba konsekuttiva li naqsu milli jirbħu.

Kienet logħba fejn iż-żewġ naħat ippruvaw jattakkaw sabiex isibu t-triq għall-gowl iżda ż-żewġ difiżi rispettivi ddominaw fuq l-attakkanti avversarji sabiex kellhom jikkuntentaw b’punt kull wieħed.

Referì kien Georgi Bitri.

KLASSIFIKA MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

Valletta St Pauls 17, Marsa St Michael 16, Żurrieq Sunrise 14, Qormi Hotspurs 9, Versity AFC 8, Senglea Gunners 6, Balzan Youths AFC 5,

KLASSIFIKA MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI

San Ġiljan Saints, Valletta Stars 18, Balluta Barracudas 14, Tarxien AFC 11, Naxxar Victorians 9, Fgura Spartans 5, Mosta Vikings 1.





Leave a comment