Marsa St Michael jikkonvinċu u jsaħħu l-ewwel post

Sunday, November 24, 2019, 13:19

Marsa St Michael komplew għaddejjin bil-mument maġiku tagħhom meta f’logħba ferm sabiħa huma għelbu lil Senglea Gunners bl-iskor ta’ 2-1. Din kienet rebħa importanti għat-tim immexxi minn Francois Spiteri li għaraf idawwar telfa f’rebħa b’wirja mill-aqwa fit-tieni taqsima.

Wieħed ma jridx ineħħi l-mertu ta’ Senglea Gunners li taw daqskemm qalgħu u taw sehemhom għall-partita ferm akkanita.

L-ewwel minuti kienu ta’ Senglea li għarfu jtellgħu kontrattakki perikolużi għalkemm Marsa mal-ħin bdew joqogħdu.

Minkejja kollox, kienu t-tim mill-Kottonera li marru fil-vantaġġ wara li Lydon Cuschieri rċieva through pass tajjeb mingħand Simphine Nomfulana u wiċċ imb’wiċċ mal-gowkiper Marsi żerżaq il-ballun ġewwa.

Hekk kif l-ewwel taqsima għalqet 1-0 favur il-Gunners, fit-tieni taqsima Marsa ħarġu ferm aggressivi sabiex iġibu l-iskor indaqs. Huma ngħataw penalty fit-42 minuta meta difensur ta’ Senglea mess il-ballun b’idu wara kross ta’ Dimitri Boyadzhiev.

Mill-11-il metru kien Ricardo Severino li xeħet il-ballun naħa u l-gowlkiper naħa oħra sabiex ġab l-iskor indaqs għas-St Michael. Dan kien il-ħames gowl li skorja l-attakkant prolifiku Brażiljan.

Senglea ppruvaw iwettqu reazzjoni iżda f’diversi okkażjonijiet sabu lill-gowlkiper Sergey Danilov f’burdata mill-aqwa.

Minkejja kollox reġgħu kienu Marsa li skorjaw il-gowl tar-rebħa meta l-plejer Bulgaru Dimitri Boyadhziev avvanza tajjeb u b’xutt fil-baxx għar-rokna ħasad lill-keeper Zoran Lazic.

Senglea tefgħu kollox fuq l-attakk fit-tentattiv li tal-anqas iġibu l-iskor indaqs, iżda d-difiża Marsija żammet sod sabiex irreġistraw it-tielet rebħa fil-kampjonat filwaqt li fetħu vantaġġ ta’ erba’ punti f’ras il-klassifika.

Għal Senglea din kienet it-tieni telfa konsekuttiva li ħalliethom f’nofs il-klassifika.

Referi kien Lorry Sammut.

Sadanittant iċ-champions Versity AFC kisbu l-ewwel rebħa staġjonali wara erba’ telfiet konsekuttivi meta għelbu lil Balzan Youths AFC bl-iskor minimu ta’ 1-0.

Kienet wirja ferm tajba mit-tim immexxi minn Hamza Afifi li għaraf jieħu l-aħjar mumenti minn din il-partita u f’wieħed minnhom skorja dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa. Kien fil-21 minuta li Ubadike Ifeani Chukwu irċieva tajjeb mingħand Daniel Erber filwaqt li għeleb lill-gowlkiper Andrew Anthony Agius sabiex għen lit-tim tiegħu jikseb l-ewwel tliet punti tal-istaġun.

Fit-tieni taqsima, Versity komplew jattakkaw tant li tilfu diversi ċansjiet fil-logħba. Fost l-oħrajn kien Bilali Yakubu li fajjar xutt li għadda jħakkek mal-lasta filwaqt li fl-aħħar minuti Kane Micallef waħdu quddiem il-gowlkiper xeħet il-ballun barra.

Referi kien Dorian Caruana.

Sadanittant il-logħba bejn Valletta St Pauls u Qormi Hotspurs kellha tiġi abbandunata meta kmieni fit-tieni taqsima nqata’ d-dawl kompletament fil-grawnd ta’ Santa Luċija.

Sa dak il-ħin Valletta St Pauls kienu qed jirbħu lil Qormi Hotspurs bl-iskor ta’ 1-0 b’gowl skorjat minn Glenn Fenech kmieni fl-ewwel taqsima.

Deċiżjoni dwar id-destin ta’ din il-partita u meta u kif se terġa’ tintlagħab jitħabbru aktar tard.

Sadanittant intlagħab ukoll programm sħiħ mill-kampjonat tat-tieni diviżjoni fejn spikkat ir-rebħa ta’ 2-0 li Valletta Stars kellhom fil-konfront dirett kontra Tarxien AFC. Għal dawn tal-aħħar din kienet daqqa ta’ ħarta oħra wara t-telfa f’konfront ieħor dirett li kellhom il-ġimgħa l-oħra kontra San Ġiljan Saints.
Min-naħa ta’ Valletta Stars, huma rkupraw tajjeb wara bidu mhux daqstant pożittiv u kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva.

Il-gowl li ddeċieda l-logħba ġie skorjat mas-siegħa logħob meta wara azzjoni ta’ kontrattakk, id-difiża ta’ Tarxien inqabdet fuq sieq waħda bil-ballun jasal għand l-attakkant Taljan Nunzio di Mauro li minnufih tefa’ l-ballun ġewwa.

Referi kien Kurt Saliba.

Fgura Spartans kisbu l-ewwel rebħa staġjonali meta għelbu bl-iskor konvinċenti ta’ 3-0 lil Mosta Vikings.

It-tim immexxi minn Vince Mifsud skorja żewġ gowls fl-ewwel taqsima permezz ta’ Ian Xuereb fl-10 minuta u Connor Azzopardi fit-30 minuta.

Mosta ittantaw reazzjoni iżda reġgħu kienu l-Ispartans li skorjaw it-tielet gowl grazzi għal Ousman Suljareh li fil-50 minuta għeleb lill-keeper avversarju.

Referi kien Alex Grech.

Finalment il-logħba bejn Naxxar Victorians u Balluta Barracudas intemmet fi dro ta’ 0-0. Dan kien it-tieni dro konsekuttiv miż-żewġ naħat li għalkemm ma biddel xejn mill-andament tal-klassifika tahom punt mistħoqq.

KLASSIFIKA MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI:
Marsa St Michael 10, Qormi Hotspurs 6, Żurrieq Sunrise 5, Senglea Gunners, Valletta St Pauls, Balzan Youths AFC 4, Versity AFC 3

KLASSIFIKA MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI:
San Ġiljan Saints 12, Valletta Stars 9, Tarxien AFC 6 Balluta Barracudas, Naxxar Victorians, Fgura Spartans 5, Mosta Vikings 0.





Leave a comment