- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Maronia Mallia rebħet it-tieni edizzjoni tal-Ladies Demolition Derby

Posted By Sportinmalta On February 19, 2020 @ 7:56 am In Featured,Motorsport | No Comments

Nhar il-Ħadd li għadda l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi (ASMK) organizzat b’suċċess is-sitt attività tal-Kampjonat Nazzjonali Autocross ASMK Pasta Poiatti 2019/2020 bi 11 il-kompetitur u t-tieni edizzjoni tal-Ladies Demolition Derby fejn ħadu sehem 8 kompetituri.

Fis-Sezzjoni Autocross, Jean Paul Grech fuq Peugeot 106 rebaħ il-finali Klassi A segwit minn Andrew Pisani fuq Opel Nova, Noel Zammit fuq Fiat Punto, Kurt Aquilina u Karl Micallef it-tnejn fuq Opel Corsa, filwaqt li fis-sitt post daħal Nicolai Aqulina li irtira aktar kmieni fit-tiġrija finali minħabba ħsara.

Mill-Finali Autocross Klassi B, Justin Buttigeig fuq Opel Nova rebaħ u iddomina din il-finali fejn kien segwit minn Paul Formosa fuq Fiat Uno, Michael Galea fuq Ford Escort u Jerome Peplow fuq Kia Avella.

Fil-Ladies Demolition 2020 ħadu sehem Panthea Butler fuq Opel Corsa, Nadette Magro fuq Kia Avella, Brenda Bongailas fuq Peugeot 205, Francesca Schembri, Jessica Magro Butler u Michaela Sammut kollha fuq karozzi tat-tip Volkswagen Polo, Maronia Mallia fuq Lada Samara u Carol Bowell fuq Fiat Uno.

Dawn is-sewwieqa hekk kif nizlu fil-korsa, l-ewwel għamlu parata ta’ żewġ dawriet bħalma hija t-tradizzjoni ta’ kull Demolition Derby u wara ingħata s-sinjal tal-bidu ta din id-derby. Mal-ewwel bdew id-daqqiet spettakolari fuq il-karozzi b’teknika pulita u skont kif jippermettu r-regoli tal-logħba.

Wara kwazi siegħa ta’ battalja bejn dawn il-karozzi, kien għad fadal dwell bejn Magro Butler u Mallia, fejn għal kwazi kwarta, dawn iż-żewġ kompetituri għamlu minn kollox biex jippruvaw iwaqqfu lill xulxin mit-tiġrija.

Minkejja li l-karozza ta’ Mallia dehret aħjar, dik ta Magro Butler kellha l-partijiet ta’ wara tal-vettura mgħaffġa sew, bir-rota ta’ wara bla tyre u oħra nieqsa. Minkejja din is-sitwazzjoni il-karozza ta’ Magro Butler u dik ta’ Mallia xorta waħda baqgħu jimxu u jduru biex isibu l-opportunità li jagħtu d-daqqiet lill- karozzi ta’ xulxin. L-uffiċjali spezzjonaw iż-żewġ karozzi wara kull ħabta biex jiżguraw li ma jkunx hemm periklu għas-sewwieqa.

Finalment Mallia ġiet iddikjarata r-rebbieħa ta’ din it-tieni edizzjoni tal-Ladies Demolition Derby 2020. Iż-żewġ kompetituri finalisti li żwieġhom huma aħwa ħarġu u ferħu b’xulxin fuq is-saqaf ta’ waħda miż-żewġ karozzi finalisti.

Waqt il-prezentazzjoni l-kompetituri kollha ngħataw medalji ta’ parteċipazzjoni mill-President tal-ASMK filwaqt li dan irringrazzja lill-irġiel tal-kompetituri li ppreparaw il-Karozzi għall dawn in-nisa li ħadu sehem f’din id-Derby u rringrazzja wkoll lin-nisa tal-wirja sportiva li wrew. Il-Vici President u s-Segretarju Generali ppreżentaw it-trofej lir-rebbieħa Maronia Mallia fuq Lada Samara u lir-Runner-Up Jessica Magro Butler fuq Volkswagen Polo.

Attività oħra Autocross mistennija ssir nhar il-Ħadd 1 ta Marzu 2020 fejn se tiġi ogranizzata s-seba’ attività tal-istaġun ASMK Pasta Poiatti 2019/2020. Il-program jibda fil-11.00am.

Iktar informazzjoni wieħed jista jsibha fis-sit elettroniku tal-Assoċjazzjoni www.asmk.org.mt jew fil-paġni Facebook bl-isem A.S.M.K. Malta jew Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi. Wieħed jista jagħmel kuntatt bl-email info@asmk.org.mt jew Mobile 9942 5489.

Ritratti ta’ Mario Micallef


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/maronia-mallia-rebhet-it-tieni-edizzjoni-tal-ladies-demolition-derby/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.