Marlon Caruana rebbieħ tal-ASMK Demolition Derby 2018

Wednesday, January 2, 2019, 11:50

Nhar il-Ħadd li ġej l-ASMK tkompli bit-tielet attività tal-Kampjonat Nazzjonali Honda Motocross 2018/2019, li tikkonsisti f’tiġrijiet bil-muturi motocross. L-attività tibda fl-10:00am fil-Kumpless Sportiv tal-ASMK f’Ta’ Qali.

Intant nhar il-Ħadd 23 ta’ Diċembru 2018 l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi organizzat il-programm speċjali ta’ qabel il-Milied b’attività annwali speċjali. Din il-ġurnata issa ilha stabbilita sew fil-kalendarju tal-assoċjazzjoni, tant li din kienet il-25 edizzjoni  biex jinġabru fondi għall-Istrina. F’ġurnata sabiħa li kompliet tinkoraggixxi iktar l-amministrazzjoni tal-assoċjazzjoni biex torganizza din l-attività tant importanti, fejn kien hemm ukoll il-parteċipazzjoni ta’ 68 kompetitur.

L-attività tal-ġurnata bdiet fid-disgħa ta’ filgħodu bis-sezzjoni Motocross fejn ġiet organizzata tiġrija Fun Race. Din kienet tikkonsisti f’tiġrija twila siegħa, fejn 9 timijiet ta’ żewġ riders kull tim b’żewġ muturi. Matul din ir-relay race it-tim kompost minn Bernard Sammut fuq mutur Husqvarna flimkien ma’ Ryan Faenza fuq mutur Yamaha rebaħ din l-attività segwit mit-tim ta’ Kyle Camilleri fuq KTM flimkien ma’ Mark Attard fuq Yamaha. Fit-tielet post spiċċa it-tim kompost minn Mark Mamo fuq Yamaha flimkien ma’ Aaron Zammit fuq KTM waqt li fir-raba post daħlu Garry Debono fuq mutur KTM flimkien ma’ James Mamo fuq Yamaha. Daniel Caruana fuq mutur Honda flimkien ma’ Luke Sheldon fuq Yamaha spiċċaw fil-ħames post filwaqt li fis-sitt post daħal it-tim kompost minn Jorn Stellini flimkien ma’ Arthur Micallef it-tnejn fuq muturi KTM.

Fit-tieni attività tal-Kompjonat Nazzjonali Autocross ASMK Pasta Poaitti 2018/2019, fuq trakka perfetta li ġiet preparata minn ġurnata qabel issarfet f’tiġrijiet spettakolari fejn il-kundizzjoni tat-temp kompla jkun ideali għal dan l-isport.  Għal din l-attività ipparteċipaw 25 kompetitur li kienu maqsuma fi klassijiet Autocross Modified, Standard u Gozo Drivers.

Fis-Sezzjoni Autocross Modified, l-Finali Klassi A iffurmata minn Noel Zammit fuq Fiat Punto, Terence Azzopardi fuq Opel Corsa, Ryan Scicluna fuq Ford Fiesta, Joseph Micallef u Melo Zammit it-tnejn fuq Opel Corsa. Matul din il-finali Azzopardi ħareġ fuq quddiem segwit minn Melo Zammit u Micallef b’Zammit li fir-raba’ dawra tilef ftit ħin u waqa’ żewġ pożizzjonijiet, iżda rnexxielu jirkupra pożizzjoni waħda sal-aħħar tat-tiġrija. Azzopardi rebaħ din il-finali segwit minn Scicluna u Melo Zammit. Fir-raba u l-ħames post spiċċaw Noel Zammit u Micallef rispettivament.

Fil-Finali Autocross Modified Klassi B kellna dan ir-rizultat:- Theo Micallef fuq Ford Fiesta rebaħ din il-klassi segwit minn Joseph Spiteri fuq Opel Corsa u Ivan Birmingham fuq Suzuki Swift waqt li fir-raba’ post daħal Brandon Lee Vassallo fuq Peugeot 205.

Mill-Finali Klassi Standard, Melvin Buttigieg fuq Citreon AX irritorna fl-isport fejn irnexxielu jirbaħ din il-klassi segwit minn Kyle Agius fuq Opel Nova u Jerome Peplow fuq Kia Avella. Fir-raba post daħal Nicovich Chircop fuq Peugeot 106 filwaqt li fil-ħames daħal Johann Vella fuq Opel Nova.

Mill-Finali Klassi Gozo Autocross, Ġorg Scerri fuq Citroen AX rebaħ din il-klassi segwit minn Chris Sultana fuq Deawoo Racer u Clayton Cardona fuq Peugeot 106. Fir-raba post daħal JJ Rapa fuq Volkswagen Polo.

Intant l-Assoċjazzjoni stenniet il-ħin tat-3:00pm biex bdiet id-Demolition Derby kif kien ippjanat. 30 karozza irreġistraw għal din l-edizzjoni iżda 25 karozza rrnexielhom jibdew id-Demolition.

Il-Kompetituri tad-Demolition Derby kienu Etienne Piscopo fuq Lada Van, Daniel Gauci Borda fuq Hyundai Estate, Clayton Camilleri fuq Hyundai Stellar, Brian Mascari fuq Lada Van, Frank Butler fuq Volvo, Clayton Gravina fuq Hyundai Stellar, Herman Xuereb fuq BMW, Charlie Falzon fuq Daewoo Racer, John Micallef fuq Hyundai Pony, Isaac Vella fuq Ford Escort, Massimo Versace fuq Hyundai Stellar, Philip Mangion fuq Lada Van, Marlon Caruana fuq Mercedes 123, Joshua Bowell fuq Lada Van, Andre Cassar fuq Mercedes 123, Omar Fouad Tayel fuq Hyundai Accent, Larkin Butler fuq Holden, Leo Butler fuq Mercedes E Class, Daimler Micallef fuq Toyota Corolla, Etienne Galea fuq Dastun Van, Joshua Peplow fuq Kia Mentor, Karl Mizzi fuq Ford Consul, Jurgen Gatt fuq Volvo, Micheal Delia fuq Lada Van u Roderick Schembri fuq Peugeot 405.

Fuq trakka imxarrba apposta għas-sigurtà tal-kompetituri, mijjiet ta’ spettaturi attendew biex jaraw din l-25 edizzjoni tad-Demolition Derby li iktar mis-sena l-oħra kienet iddominata minn diversi tipi ta’ karozzi moderni. Mal-ħin tat-3:30pm ingħata is-sinjal biex tibda d-Demolition fejn wara żewġ dawriet (exhibition laps) mal-korsa, rajna dawn il-karozzi joffru spettaklu ta’ ħbit b’tattika speċjali qabel ma jiġu mormija bħala metall skrappjat. Fosthom spikkaw il-karozzi Mercedes E Class moderna misjuqa min Leo Butler li kienet l-iktar karozza moderna kif ukoll spikkaw il-karozzi Mercedes 123, Holden u Ford Consul li kienu karozzi antiki imma b’saħħitom ħafna. din is-sena spikka ukoll il-parteċipazzjoni tal-Korp tal-Pulizja fejn il-garaxx tal-istess korp flimkien mas-sezzjoni tal-korp li tieħu ħsieb l-isports ħadu din l-inizjattiva biex jipparteċipaw f’din l-attività.

L-Assoċjazzjoni innutat ukoll sewwieqa ġodda. Fil-fatt f’din l-edizzjoni nofs is-sewwieqa li reġistraw ħadu sehem għall-ewwel darba. Dan ikompli jawgura tajjeb għall-futur biex attività bħal din tibqa’ tittella.

Wara madwar siegha it-taqtigħa spiċċat bejn żewġ karozzi; il-Mercedes 123 misjuq minn Marlon Caruana u l-karozza Holden misjuqa minn Larkin Butler, li ġejjin mill-istess tim. Dawn it-tnejn għamlu 10 minuti jissieltu u jaraw min minnhom se jirnexxielu jagħti l-aħħar daqqa bil-konsegwenza li xi ħadd jieqaf u b’hekk dak li jibqa’ jaħdem u jimxi, jirbaħ it-tiġrija. Ftit sekondi qabel it-tmiem ta’ din id-Demolition kienet daqqa wiċċ ma’ wiċċ li ħalliet li Larkin Butler bil-magna taħdem imma ma setax jimxi u b’hekk spiċċa kellu jirtira biex Marlon Caruana fuq Mercedes 123 rebaħ l-25 edizzjoni. Runner-up tiegħu spiċċa Larkin Butler fuq Holden.

Intant l-Assoċjazzjoni ħabbret li d-dati tal-kampjonati tal-ASMK ghas-sena 2019 li jinsabu fuq is-sit elettroniku fejn fost l-attivitajiet li ser ikunu qed issiru matul din is-sena ġdida ser ikollna erba’ Demolitions kif ukoll ser tkun qed torganizza għall-ewwel darba id-Demolition bis-sewwieqa nisa biss. Din l-inizjattiva qed issir biex tkompli tħeġġeġ in-nisa viċin iktar l-isports tal-karozzi li huwa iktar abbinat mal-irġiel.

Għal iktar informazzjoni żur is-sit elettroniku www.asmk.org.mt jew fuq Facebook A.S.M.K. Malta.

Rittrat ta’ Mario Micallef





Leave a comment