- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Mark Gauci jirbaħ l-Open ta’ Malta

Posted By Sportinmalta On February 16, 2011 @ 8:47 am In Featured,Other,Table Football | No Comments

Wara li fi tmiem ix-xahar ta’ Jannar Mark Gauci rebaħ l-Grand Prix ta’ Franza, s-suċċess miksub fl-International Open ta’ Malta fi tmiem il-ġimgha li għaddiet se jwassal biex l-captain tat-tim nazzjonali Malti jitla’ fit-tielet post tar-rankings mondjali tal-FISTF – il-federazzjoni internazzjonali tas-subbuteo table football.

Fil-kategorija Open, kien hemm 29 parteċipant li applikkaw. Malta kellha l-opportunita’ li tikteb l-istorja fis-subbuteo table football internazzjonali meta fost l-applikazzjonijiet kien hemm erbgħa li kienu ġejjin mill-Kamerun. Sfortunatament, dawn ma waslux minħabba problemi ta’ vjaġġar fl-Afrika ta’ fuq.

Joseph Borg Bonaci vs Angelo Borg (Open Category Semi Final)

Joseph Borg Bonaci vs Angelo Borg (Open Category Semi Final)

Mark Gauci spiċċa rebbieħ tal-kategorija Open meta fil-finali b’gol wieħed għeleb l-isfida tal-player Joseph  Borg Bonaci. Dan tal-aħħar kellu tournament tajjeb u fil-finali innifisha kien hemm waqtiet fejn seta’ jirbaħ din il-finali. Fis-semi finali, Borg Bonaci għeleb l-isfida taż-żagħżugħ Angelo Borg li min-naħa tiegħu b’sorpriża u wkoll b’konferma tal-mument posittiv tiegħu għeleb lil Massimo Cremona bl-iskor ta’ 1-0 u ħalla lil Cremona barra mis-semifinali ta’ dan l-Open, xi ħaġa li kien ilha ma tiġri mill-2005 meta f’Had-Dingli Hansel Mallia kien għeleb lil Massimo bi skor ta’ 3-2 u tal-aħħar baqa’ barra mill-ewwel erba’. Mallia kien l-avversarju ta’ Mark Gauci fis-semifinali bil-player ta’ Atlas TFC jirbaħ bl-iskor ta’ 3-1.

Mal-aħħar 16, spikkat il-partita bejn Charlie Aquilina (Bormla SC) kontra Mario Camilleri (Valletta SC). Tal-aħħar, spiċċa t-tieni fi Grupp 2 wara Massimo Cremona u għaldaqstant kellu jaffronta r-rebbieħ ta’ Grupp 5. F’partita fejn Charlie Aquilina kien xi ftit aħjar f’waqtiet minnhom, iżda li tilef bosta okkażjonijiet l-iskor finali kien ta’ 1-1 u għaldaqstant kellu jkun hemm l-ħin tas-sudden death, li xorta ma ddeċidiex min għandu jgħaddi mal-aħħar tmienja. Fix-shots, l-player ta’ Valletta SC għeleb l-isfida ta’ Aquilina għall-iskor ta’ 2-1.

Fil-kategorija Under 19, Angelo Borg kkonferma l-mument posittiv tiegħu billi rebaħ il-finali kontra Darren Carabott (Attard SC) bl-iskor ta’ 1-0. Huwa kellu sfida tajba fis-semi finali kontra Darren Bezzina (Hamrun TFC) li mar fil-vantaġġ kontra Borg, iżda ma rnexxilux jwassal ir-riżultat sa l-aħħar biex Borg skurja tlieta fil-ħinijiet finali tal-partita u qata passaġġ għall-finali. Fis-semi finali l-oħra, Darren Carabott elimina lil Adam Gatt (Hamrun TFC).

Fl-Under 15, l-aktar punt posittiv kien il-parteċipazzjoni ta’ 4 players ġodda prodotti ta’ Bormla SC. Il-ħidma ta’ dan il-club maż-żgħażagħ prospettivi qed tagħti l-frott u fil-finali Andrew Abela (Valletta SC) għeleb lit-tfajjel Ismael Fenech (Bormla SC) li fil-verita’ kien qed jilgħab f’kategorija ikbar minn dik adattata għalih. Is-semi finali offriet żewġ players oħra ta’ Bormla SC, fejn Larson Ebejer tilef kontra Andrew Abela u Melvin Barun tilef kontra Ismael Fenech.

Fi tmiem l-attivita’ d-Deputat Laburista u kelliem ghall-Isports Chris Agius li huwa wkoll mil-lokal ta’ Bormla ppreżenta t-trofej lir-rebbieħa u medalji ta’ parteċipazzjoni lil kulhadd. Head referee tal-kompetizzjoni kien s-Sur Anthony Sapiano.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/mark-gauci-jirbah-l-open-ta-malta/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.