Mario Camilleri rebbieħ fil-European Championship 2019 u iktar suċċessi għall-Maltin

Wednesday, July 3, 2019, 7:56

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fil-Belġju ġie organiżżat l-European Championship 2019.  Bosta pajjiżi kienu qed jipparteċipaw, fosthom l-Italja, Greċja, Spanja, Belġju, Franza, Awstrija, Ġermanja u Portugal.  Il-kontinġent Malti kien jikkonsisti minn sitt plejers, Jason Pisani kien il-kap tal-kontinġent.

Is-Sibt kien hemm il-kompetizzjonijiet individwali, fil-kategorija Open ħa sehem Massimo Cremona, li sfortunatament ma għadiex mil-fażi tal-gruppi.  Il-kategorija tal-Open intrebħet mill-Belġjan Florian Giaux.

Fil-kategorija tal-Veterani kellna rebbieħ lill-Malti Mario Camilleri li lagħab is-semifinali kontra l-plejer Taljan Mario Corradi li spiċċat bl-iskor 2-1.  Il-finali kienet kontra l-plejer Grieg Kostantinos Kechris, li spiċċat bl-iskor ta’ 1-0.  B’hekk Mario Camilleri rebaħ it-titlu ta’ Champion tal-Ewropa fil-kategorija tal-Veterani.  F’din il-kategorija wkoll, ħadu sehem Jason Pisani, Charlie Aquilina, u John Zammit.  Charlie Aquilina wasal sal-kwarti tal-finali fejn sfortunatament inqala’ bis-‘sudden goal’ 2-1 kontra t-Taljan Pasquale Torano.  Jason Pisani wasal sal-aħħar sittax u sfortunatament John Żammit ma għadiex il-fażi tal-gruppi.

Fil-kategorija ta’ taħt id-dsatax-il sena ħa sehem Jurgen Balzan.  Balzan wasal sas-semifinali, fejn inqala’ kontra l-Grieg Dimitris Dimopolous bl-iskor ta’ 3-0.  Dimopolous kien ir-rebbieħ ta’ din il-kategorija.

Il-Ħadd kien immis il-kompetizzjonijiet tat-timijiet.  Malta ġiet fil-grupp mal-Awstrija, Ġermanja u Belġju.  It-tim Malti tal-Veterani kien kompost minn Charlie Aquilina, Jason Pisani, Mario Camilleri, Massimo Cremona u John Zammit.  It-tim Malti għadda mil-grupp u baqa’ sejjer sas-semifinali.  It-tim kellu prestazjoni tajba u sfortunatament tilfu fis-semi finali kontra it-tim Taljan.  L-iskor finali kien dak ta’ 1-1 imma rebħu t-Taljani b’differenza ta’ gowl.

B’hekk Malta niżlet lura magħha tliet midalji, deheb għal Mario Camilleri, rebbieħ tal-kategorija individwali tal-veterani, bronz għal Jurgen Balzan semifinalist fil-kategorija individwali ta’ taħt id-dsatax-il sena u bronz għat-tim Malti tal-Veterani meta ġew semifinalisti f’din il-kategorija.





Leave a comment