Maratona ta’ Pool fil-Birgu

Saturday, May 29, 2010, 14:31

Iz-zgħazagħ għandhom ħafna x’joffru lis-soċjeta’ u mill-bankijiet tal-iskola qed jitgħallmu ħafna valuri fosthom dik tas-solidarjeta’. Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Kummissarju ġdida għat-tfal is-sinjura Helen D’Amato waqt il-ftuħ uffiċjali tal-11-il edizzjoni tal-Maratona tal-Pool li qed issir fil-Kulleġġ Santa Margerita sekondarja subien tal-Birgu. Maratona ta’ 51 siegha li matulha se jinġabru fondi b’rizq l-organizazzjoni TGHANNIQA ta’ Bormla.

Is-sinjura D’Amato, fl-ewwel attivita’ pubblika tagħha minn mindu nħatret kummissarju ghat-tfal, faħħret l-inizjattiva tal-istudenti u l-għalliema ta’ din l-iskola u ħeġġet lill-pubbliku sabiex jappoġġja din l-attivita’. Qalet li l-istudenti għandhom iħossuhom kburin li qed jieħdu sehem f’din il-maratona minħabba li qed ikunu ta’ għajnuna għal ħaddiehor.

Tmintax-il student mill-iskola tal-Fortini qed jieħdu sehem fil-maratona ta’ din is-sena. Il-plejers parteċipanti huma maqsuma f’zewg gruppi u qed jikkompetu kontra xulxin b’sistema round robin sakemm jgħaddu għat-tieni fażi li mbagħad twassal għall-kwartifinali, semifinali u l-finali. L-għan tal-kompetizzjoni huwa biss sabiex jinzamm l-entużjażmu fost il-parteċipanti, b’mod speċjali fil-ħinijiet ta’ bil-lejl meta l-għejja tibda tinħass sew.

Ta’ nota l-fatt li għall-ewwel darba erba’ mill-parteċipanti tal-Maratona se jkunu studenti mill-iskola sekondarja subien tal-Verdala, li wkoll tifforma parti mill-Kullegg Santa Margerita.

Għaċ-ċerimonja ta’ dalgħodu attendew ukoll l-assistent segretarju parlamentari l-onorevoli Stephen Spiteri flimkien mal-membri parlamentrai min-naħa tal-oppożizzjoni l-onorevoli Chris Agius u Stefan Buontempo.

Preżenti wkoll is-sindki tal-Kottonera flimkien ma’ uffiċjali għolja mid-dipartiment ta’ l-Edukazzjoni. 

Il-maratona tal-Pool bdiet tiġi organizzata fl-1999. L-għan kien li fl-istudenti ta’ l-iskola tal-Fortini jitrawwem sens ta’ altruwiżmu filwaqt li jifhmu li huma wkoll għandhom sehem x’jagħtu lis-soċjeta’. Ġie deċiż li dan isir permezz ta’ attivita’ sportiva, minħabba li l-isport jiġbor fih l-elementi ta’ dixxiplina, ħbiberija, dedikazzjoni u impenn. Intagħżel il-Pool għax huwa sport popolari ħafna magħna l-maltin, sport li jiġi pprattikat ħafna fil-każini u l-klabbs lokali. 

Hija l-unika maratona sportiva filantropika li tiġi organizzata fil-Kottonera u f’dawn l-aħħar tmien snin dejjem kienet okkażjoni fejn fiha ħareġ is-sabiħ tan-nies u tar-reġjun tal-Kottonera.





Leave a comment