Malta ser torganizza l-ewwel Kampjonat taċ-Ċikliżmu għal Pajjiżi ż-Żgħar

Saturday, May 7, 2016, 14:58

Gavin Muscat

Malta ġiet magħżula biex torganizza l-ewwel kampjonat taċ-ċikliżmu għal Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa fi ħdan il-European Cycling Union. Dan seħħ nhar il-Ħamis li għadda 7 ta’ April 2016 waqt laqgħa li saret f’San Marino organizzata mill-istess UEC bil-kollaborazzjoni tal-Federazzjoni Ċiklistika ta’ San Marino, kif ukoll il-Kumitat Olimpiku tal-istess Stat Ewropew.

Kien fuq suggerimenti li resqet il-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu permezz tas-Segretarju Ġenerali Joe Bajada li flimkien mal-President John Zammit, talab biex titwaqqaf Kummissjoni li tiġbor fiha d-9 Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa biex ikunu diskussi l-problemi li jiffaċċjaw dawn il-Pajjiżi, kif ukoll li jibda jkun organizzat il-Kampjonat bejn l-istess Pajjiżi li jalternaw kull sentejn meta ma jkunx hemm il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa.

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-UEC qablu ma’ dawn is-suggerimenti fosthom li issa din il-Kummisjoni tibda tiltaqa almenu darba kull sena biex ikunu diskussi materji li jolqtu lill-istess pajjiżi. Mbagħad kienet aċċetta wkoll it-talba li jibdew isiru dawn il-kampjonati u l-President David Lappartient staqsa min kien interessat li jorganizza dan l-ewwel kampjonat li mistenni jsir fl-2018. Hawn Joe Bajada talab li dan l-ewwel Kampjonat jinżamm f’Malta fid-dawl li l-Belt Kapitali Valletta fl-istess 2018 ser tkun il-Belt Kapitali tal-Ewropa. Din it-talba kienet aċċetta u meta Bajada kien mistoqsi mill-istess President Lappartient minn fejn ġietu din l-idea, r-risposta ingħatat minnufih mis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Olimpiku ta’ San Marino, Eros Bologna li qal li anke il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li l-ewwel edizzjoni tagħhom kienet saret fl-istess San Marino fl-1985, l-idea kienet ta’ Malta permezz ta’ Bertie A. Muscat, dak in-nhar Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Olimpiku Malti.

Għal dan il-għan issa għal ħabta ta’ Novembru li ġej ser jiġu fostna kemm il-President David Lappartient, kif ukoll Enrico Della Casa, s-Segretarju Ġenerali tal-UEC biex jaraw iċ-ċirkwiti magħżula, kif ukoll fl-liema programmazzjoni tkun waslet sa dak in-nhar il-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu.





Leave a comment