Malta se tospita n-Nations Cup tal-‘eight-ball pool’

Wednesday, November 1, 2017, 9:42

Għal darba oħra l-Malta Eight-Ball Federation se torganizza n-Nations Cup tal-eight-ball pool f’pajjiżna fl-ewwel ġimgħa ta’ Novembru, bejn it-2 u t-8 tax-xahar, fil-lukanda Dolmen.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li hu ta’ unur għal Malta li tospita avveniment bħal dan. “Meta wieħed jitkellem dwar dan l-avveniment hu ovvju li se jkun hawn influss turistiku u dan hu importanti ħafna għal Malta għax ikompli jsaħħaħ il-viżjoni ta’ dan il-gvern – li naraw lil pajjiżna bħala n-niċċa fejn Malta tkun id-destinazzjoni turistika għall-isport. Bdejna diversi proġetti biex inkomplu navvanzaw fis-settur sportiv f’pajjiżna. Fil-fatt, jekk wieħed iħares lejn il-Budget, kellna żieda sostanzjali fil-vot kapitali, li tela’ minn 2.7 miljun għal 8.1 miljun – li juri li dan hu investiment massiv li se jwassal għal investiment kbir fl-infrastruttura sportiva”, spjega s-Segretarju Parlamentari.

Il-President tal-Malta Eight-Ball Federation Roderick Tanti qal li jinsab sodisfatt li avveniment ta’ dan il-kalibru se jsir f’pajjiżna. “Meta tidħol għal xi ħaġa bħal din, tkun taf minn qabel li diffiċli ħafna biex tirbaħha. Din id-darba rnexxielna. Sodisfatti ħafna għal dak li ġibna f’pajjiżna għall-federazzjoni tagħna u għall-poplu Malti kollu”, kompla s-Sur Tanti.

L-aħħar darba li ġie organizzat dan il-kampjonat f’pajjiżna kien fl-2013 u l-Malta Eight-Ball Federation reġgħet applikat biex tospita dawn il-kampjonati f’pajjiżna din is-sena.

Dawn il-kampjonati Ewropej mistennija jġibu lejn pajjiżna mal-1,000 player tal-billiard, u apparti li jattiraw ammiraturi mill-isfera sportiva, dan it-tournament qed jitqies bħala attrazzjoni turistika f’pajjiżna.

Il-players għal dawn il-kampjonati se jiġu minn diversi pajjiżi differenti fosthom: l-Awstralja, l-Ingilterra, Franza, Ġibiltà, l-Irlanda ta’ Fuq, ir-Repubblika Irlandiża, Wales, l-Iskozja, il-Katalunja, Ċipru u Shetland.





Leave a comment