- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Malta preżenti waqt il-81 Kungress tal-AIPS

Posted By Sportinmalta On May 14, 2018 @ 9:32 am In Featured,GhGS - 2014 | No Comments

L-Għaqda Ġurnalisti Sports kienet preżenti għal sena oħra għall-Kungress Annwali tal-AIPS l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Media tal-Isport.

Fil-81 Kungress tal-AIPS li sar fi Brussel bejn it-8 u d-9 ta’ Mejju ġew diskussi diversi temi relatati mal-ħidma tal-ġurnalisti tal-Isport. Fost l-iktar temi interessanti kien hemm l-era diġitali tal-media, fosthom it-trend tal-informazzjoni online, u l-media soċjali. Fil-Kungress kien ippreżentat ukoll ir-ristrutturar li għaddej fi ħdan il-Kumissjonijiet tal-AIPS u aktar opportunitajiet ta’ taħriġ għall-ġurnalisti tal-Isport Żgħażagħ permezz tal-programm AIPS Young Reporters.

Fil-Kungress saru diversi preżentazzjonijiet interessanti minn diversi mistiedna fosthom mill-Federazzjoni tal-Football tal-Marokk u minn #United26 bid iffurmata mill-Federazzjonijiet tal-Football tal-Messiku, l-Kanada u l-Istati Uniti li taw dettalji dwar il-bids rispettivi tagħhom sabiex jorganizzaw l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA tas-sena 2026.

Waqt il-81 Kungress tal-AIPS saru preżentazzjonijiet oħra fosthom mill-Moviment Special Olympics, mill-Olympic Channel tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali u mill-FIFA b’dawn tal-aħħar jagħtu l-aħħar dettalji dwar l-użu tal-VAR u dwar il-faċilitajiet tal-media waqt li se jkunu disponibbli għall-ġurnalisti waqt it-Tazza tad-Dinja Russja 2018.

L-Għaqda Ġurnalisti Sports kienet rapreżentata waqt dan il-Kungress mill-President Sandro Micallef u mis-Segretarju Organiżattiv Antvin Monseigneur.

Preżenti wkoll waqt il-Kungress Charles Camenzuli President tal-AIPS Europe li apparti s-sessjonijiet tal-Kungress ħa sehem ukoll waqt l-Eżekuttiv tal-AIPS li sar lejliet il-bidu tal-Kungress u mexxa wkoll l-Laqgħa Annwali tal-AIPS Europe li preċediet il-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-AIPS Europe.

Il-81 Kungress tal-AIPS ġie fi tmiemhu b’diskors tal-President tal-AIPS Gianni Merlo.

Aktar informazzjoni dwar l-AIPS u aktar ritratti relatatti ma’ dan il-kungress tista’ tinkiseb mill-website www.aipsmedia.com


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/malta-prezenti-waqt-il-81-kungress-tal-aips/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.