Malta għal darba oħra tieħu sehem fil-Jum Ewropew iddedikat għall-isport fl-iskejjel

Wednesday, October 4, 2017, 15:12

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat, Clifton Grima jżur l-attivitajiet sportivi li għaddejin fl-iskola Primarja ta’ San Ġwann fil-Jum Ewropew iddedikat għall-isport fl-iskejjel bħala inkoraġġiment lil kulħadd biex jieħdu sehem f’aktar attività fiżika u ta’ saħħa aħjar.

Is-Segretarju Parlamentari filwaqt li rringrazzja lill-għalliema, sostna li t-tfal għandhom jkunu esposti għall-attivitajiet diversi li jgħinuhom jibnu l-ħiliet fiżiċi speċjalment l-aġilità, il-bilanċ u l-kordinazzjoni li huma il-bażi ta’ kull sport.  Minbarra hekk l-attivitajiet għandhom ikunu attraenti għat-tfal sabiex huma ma jarawx l-isport bħala dmir biss imma wkoll bħala attività li jieħdu gost jagħmluha.  Huwa tenna li din kienet sfida li jkollok attivita sportiva fl-ewwel ġimgħa tas-sena skolastika pero jemmen illi b’din l-attivita l-isport jkompli jkun meqjus bħala suġġett importanti fil-kurrikulu skolastiku.

Il-Jum Ewropew iddedikat għall-Isports fl-Iskejjel huwa parti mill-kampanja NowWeMove li ġiet żviluppata minn konsorzju magħmul minn organizzazzjonijiet Ewropej. Din il-kampanja għandha l-iskop li tippromovi s-saħħa u l-benesseri bħala esperjenza ta’ tagħlim tul il-ħajja u biex ikunu żviluppati kompetenzi u ħiliet soċjali fost l-istudenti permezz ta’ diversi logħob u esperjenzi oħra sinifikanti.

“Nemmnu li l-iskejjel għandhom ikunu l-punt fokali fejn il-veru valur tal-bażi tal-isport jitwettaq. Għalhekk qegħdin nistiednu lill-iskejjel kollha, mhux biss biex jingħaqdu f’din l-attività, imma wkoll biex jieħdu sehem f’dan il-programm sportiv daqstant dinamiku li qegħdin norganizzaw tul din il-ġurnata,” qal Mark Cutajar, Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta.

L-organizzaturi tal-Jum Ewropew iddedikat għall-Isports fl-Iskejjel taw ukoll ideat ġodda lill-għalliema u lill-istudenti biex ikunu jistgħu jippjanaw u jħejju il-programm sportiv rispettiv tagħhom ‘il barra mill-klassijiet tal-iskola. Dan bl-iskop aħħari li f’din l-attività jkun hemm kemm jista’ jkun parteċipazzjoni possibbli.





Leave a comment