Malta Futsal School Summer Camp 2017

Thursday, August 10, 2017, 8:00

Malta Futsal School – Summer Camp 2017  

Bil-kampjonat tal-futsal lokali wieqaf, illum se nagħtu ħarsa lejn il-futsal summer camp organizzat mill-Malta Futsal School.  Dan is-summer camp beda madwar ħmistax ilu u hemm ‘l fuq minn mitt tifel u tifla jipparteċipaw fih.

Bin-numru ta’ tfal dejjem jikber minn staġun għal ieħor, l-amministraturi ta’ din l-iskola, Jonathan Pisani u JeanBert Gatt, jaqblu li bħalissa din l-iskola għaddejja mill-aqwa perjodu tagħha. Sa mill-bidu tagħha, seba’ snin ilu, il-Malta Futsal School tilqa’ fi ħdanha tfal mill-età ċkejkna ta’ tliet snin sa żgħażagħ ta’ ħmistax-il sena.

F’dawn l-aħħar għax snin is-sagrifiċċji ma naqsux iżda bit-tmexija għaqlija ta’ Pisani u Gatt, mgħejjuna minn coaches b’esperjenza fil-logħba tal-futsal, il-Malta Futsal School qed tara l-frott taż-żerriegħa li ġiet miżrugħa tul dawn is-snin.  Filfatt dis-sena, iż-żgħażagħ Liam Sciberras u Zak Calleja ngħaqdu mat-team ta’ Swieqi United ta’ taħt il-21 sena.  Ta’ min ifakkar ukoll li minn din l-iskola ħarġet ukoll il-player Chloe Ann Ellul, li llum tagħmel parti importanti mit-tim nazzjonali Malti tal-football tan-nisa ta’ taħt is-17-il sena.

L-istorja ta’ dawn il-players żgħażagħ hija xhieda tal-mentalità tal-Malta Futsal School.  Din hi li l-futsal għandu jiġi meqjus bħala pjattaforma għal-logħba tal-football.  Din l-istess idea, fl-aħħar, ġiet mħaddna wkoll mill-Malta Football Association.  Huwa fatt magħruf li numru ta’ players mondjali għamlu l-ewwel pass fil-karriera tagħhom permezz tal-futsal.  Fosthom insibu l-istilla Portugiża Cristiano Ronaldo u l-player Brażiljan Neymar.

Il-Malta Futsal School tagħmel it-taħriġ tagħha fil-padiljun f’Ta’ Qali fejn it-tfal ikunu maqsuma skont l-etajiet tagħhom u s-sessjonijiet isiru b’mod li juru s-sabiħ u l-vantaġġi ta’ din il-logħba li oriġinat fil-pajjiż tal-Urugwaj.

Jekk wieħed irid ikun jaf aktar fuq il-Malta Futsal School, jista’ jagħmel dan jew billi jżur is-sit www.maltafutsalschool.com jew jagħmel kuntatt fuq in-numri 77161600 jew 99457101.

minn Nikola Farruġia





Leave a comment