- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Malta fost il-pajjizi rraprezentati fl-Olimpjadi tax- Xitwa f’Pyeongchang

Posted By Sportinmalta On February 2, 2018 @ 7:48 am In Featured,Other | No Comments

L-atleta ta’ sitta u għoxrin sena Elise Pellegrin ser tkun qed tirrappreżenta lil-Malta fl-Olimpjadi tax- Xitwa li ser isiru bejn id-9 u l-25 ta’Frar f’ Pyeongchang, il-Korea. Pellegrin ser tkun qeda tikkompeti fid-dixxiplina tal-Alpine Skiing, fil-kategoriji Slalom u Giant Slalom.

Din ser tkun it-tieni dehra ta’ Pellegrin fl-Olimpjadi tax-Xitwa, wara li rappreżentat lil Malta f’Sochi fl-2014. Il-klassifikazzjoni tal-bidu tagħha fil-Giant Slalom kien il-91 post. Wara l-ewwel ġirja, hi spiċċat fit-72 pożizzjoni filwaqt li wara t-tieni ġirja hi mxiet tmien postijiet biex ittem il-kompetizzjoni fl-64 post. Pellegrin kisbet riżultati aħjar fl-iSlalom meta kienet fit- 52 post fl-ewwel ġirja u telgħat fid-39 post wara t-tieni ġirja.

Biex tikkwalifika għall-Olimpjadi f’Pyeongchang, Pellegrin ikkompetiet f’numru ta’kompetizzjonijiet tal-FIS li saru fl-Arġentina, l-Italja, Franza u l-Istati Uniti.

F’ Pyeongchang, Pellegrin ser tikkompeti fil-Giant Slalom u is-Slalom. Il-kompetizzjonijiet se jsiru fiċ-Ċentru Alpin Yongpyong fit-12 u l-14 ta’ Frar. Matul il-Kompetizzjoni Pellegrin se jkun taħt il-gwida tal-kowċ tagħha Marvin Hocquaux.

It-tama li-Malta jkollha t-tieni atleta fil-kompetizzjoni sfaw fix-xejn. Jenise Spiteri, li tikkompeti fid-dixxiplina tas-Snowboard Half Pipe, spiċċat fil-25 post fil-provi tal-kwalifika meta biss l-ewwel 24 atleta kellhom post għal- Pyeongchang.

“Huwa unur li l-bandiera Maltija ser tkun fost dawk li ser jkunu qedin jittajru f’ Pyeongchang. Hu ta’ soddisfazzjon li naraw li l-appoġġ mogħti lil dawn l-atleti, grazzi għal-iskema tal-Olympic Solidarity Scholarship, qed tagħti il-frott,” stqarr Julian Pace Bonello, President tal-Kumitat Olimpiku Malti. “Minkejja li Jenise Spiteri ma rrnexxiliex tikkwalifika bi ftit, il-parteċipazzjoni ta’ Malta f’dawn l- Olimpjadi kienet xi ħaġa li lanqas konna noħolmu biha sa’ ftit snin ilu. Aħna kunfidenti li fis-snin li ġejjin, Malta ser jkollha rrappreżentanza ikbar fil-Logħob tax-Xitwa”.

“Jiena kburija u onorata li nirrappreżenta lil Malta għat-tieni darba fil-Logħob tax-Xitwa. Il-ħidma tiegħi, lejn dan il-għan ilu għaddej xhur sħaħ, fejn l-attenzjoni tiegħi kienet kompletament lejn dawn il-Logħob. It-taħriġ u l-preparamenti kienu taħlita ta’ attivita fiżika, teknika u mentali. L-imħabba li għandi lejn Malta, grazzi għal-familja tiegħi, ser tkun qeda tkompli is-saħħaħ id-determinazzjoni li għandi sabiex nagħti prestazzjoni tajba għal-Malta. ” ikkummentat Elise Pellegrin

Pellegrin ser tkun qed iġġor il-bandiera Maltija fiċ-ċerimonja tal-ftuħ li se ssir nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Frar f’nofshinar, ħin lokali. Il-kontinġent Malti se jkun magħmul mill-President tal-Kumitat Olimpiku Malti, is-Sur Julian Pace Bonello u is-Segretarju Ġenerali Is-Sur Joseph Cassar bħala mistednin tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, filwaqt li Dr Lucienne Attard ġiet maħtura bħala Chef de Mission.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/malta-fost-il-pajjizi-rraprezentati-fl-olimpjadi-tax-xitwa-fpyeongchang/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.