- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Malta FA – Konfermati erba’ referees u tmien assistanti fuq il-Panel tal-FIFA għall-2018

Posted By Sportinmalta On December 24, 2017 @ 3:45 pm In Featured,Football,Futsal | No Comments

Għas-sena li waslet biex tibda, l-2018, Malta se jerġa’ jkollha erba’ referees u tmien assistant referees fuq il-Panel tal-FIFA.

Il-preżentazzjoni tal-FIFA badges saret waqt festin tal-Milied fil-lukanda db San Antonio Hotel, organizzat mir-Refereeing Centre fi ħdan l-MFA flimkien mal-Malta Football Referees Association (MFRA).

Il-preżentazzjoni tal-FIFA Badges saret mill-Viċi-President tal-MFA li huwa ukoll Chairman tar-Referees’ Committee, Alex Manfrè, fil-preżenza ta’ Dr Angelo Chetcuti u Dr Matthew Paris, Segretarju Ġenerali u Viċi President tal-assoċjazzjoni rispettivament.

Preżenti wkoll id-Direttur tar-Refereeing fi ħdan l-MFA, Kevin Azzopardi, u l-President tal-MFRA, Alexie Tabone.

L-uffiċjali Maltin fuq il-panel tal-FIFA għas-sena 2018 huma dawn:

FIFA REFEREES

Trustin Farrugia Cann; Clayton Pisani; Alan Mario Sant; Fyodor Zammit

FIFA ASSISTANT REFEREES

Alan Camilleri; Christopher Francalanza; Luke Portelli; Mitchell Scerri; Edward Spiteri; Jurgen Spiteri; Duncan Sultana; Roberto Vella

FIFA FUTSAL REFEREE

Matthew Vella

FIFA BEACH SOCCER REFEREES

Jonathan Mallia; Jude Amin Utulu

Fl-indirizz tiegħu d-Direttur tar-Referees fi ħdan l-MFA, Kevin Azzopardi, esprima l-apprezzament għall-ħidma u s-sagrifiċċji li jagħmlu r-referees matul is-sena kollha, b’aċċenn partikolari lil dawk ir-referees li żammew isimhom fuq il-panel tal-FIFA.

Azzopardi qal: “Kontu ambaxxaturi eċċellenti għar-refereeing Malti u l-konferma tagħkom bħala uffiċjali tal-FIFA tirrifletti l-impenn kontinwu u l-wirjiet konsistenti tagħkom.”

Għas-sena l-ġdida 2018, kompla Azzopardi, l-opportunitajiet għall-uffiċjali tagħna anke fix-xena internazzjonali se jkomplu jiżdiedu.

Il-UEFA għażlet lill-MFA biex f’Jannar tospita kors għall-aqwa referees tal-football fl-Ewropa, li b’hekk se jkunu għal ftit jiem f’pajjiżna qabel l-impenji tagħhom fl-edizzjoni li jmiss tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA li se ssir ir-Russja fis-sajf li ġej.

Seminar simili, din id-darba għall-assistant referees minn madwar l-Ewropa  kollha, ukoll se jsir f’Malta f’April li ġej.

Fid-diskors tiegħu, d-Direttur tar-Referees fi ħdan l-MFA ħabbar ukoll li s-seminar ta’ qabel l-istaġun organizzat mill-MFA għar-referees Elite se jsir il-Ġermanja fis-sajf filwaqt li se jissoktaw il-programmi ta’ skambji ma’ assoċjazzjonijiet oħrajn.

Semma wkoll l-inizjattivi kontinwi tar-Recruitment Unit u l-MFA Referees Academy bil-għan li aktar żgħażagħ jiġu mħajra jibdew karriera bħala referees.

Min-naħa tiegħu, l-President tal-MFRA Alexie Tabone qal il-fatt li, għat-tieni sena konsekuttiva, dan ir-riċeviment annwali tal-Milied ġie organizzat flimkien mar-Refereeing Centre fi ħdan l-MFA huwa riflessjoni tar-relazzjoni eċċellenti bejn iż-żewġ naħat.

Tabone irringrazzja lir-referees għad-dedikazzjoni tagħhom u sostna l-impenn tal-MFRA li tmexxi ‘l quddiem u tipproteġi l-interessi tal-uffiċjali u l-irwol kruċjali tagħhom fil-logħba tal-futbol.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/malta-fa-konfermati-erba-referees-u-tmien-assistanti-fuq-il-panel-tal-fifa-ghall-2018/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.