Malta Euromed Championship 2012‏

Friday, December 14, 2012, 13:56

Malta dan ix-xahar tospita għal darb’oħra avveniment ta’ tbaħħir internazzjonali ieħor li fuq perjodu qasir ta’ żmien rebaħ l-ammirazzjoni u l-entużjażmu tal-parteċipanti u barra minn hekk anki ta’ l-uffiċjali u kowċis gwida tal-protagonisti.  Issa fit-tlettax il-ħarga tiegħu, il-EUROMED Malta Championship 2012 mill-ġdid huwa mistenni li jiġbor flotta ta’ aktar minn 120 baħri lejn xtutna għal erbat ijiem ta’ sfida qawwija.

 

Minn nħar l-Erbgħa satax sal-Ħadd tnejn-u-għoxrin ta’ Diċembru il-Bajja tal-Mellieħa se tirrappreżenta l-arena tat-tlielaq għall-kompetituri li din is-sena ġejjin mir-Russja, il-Gran Brittanja, l-Iżrael, id-Danimarka, Sqallija, l-Alġerija u l-Islovakkja li jiġu magħquda minn kontinġent b’saħħtu ta’ 30 baħri lokali.  L-Alġerija u s-Slovakkja huma ġodda għall-avveniment Malti.  Il-Euromed tagħti baħħara żgħażagħ lokali l-opportunità li jipparteċipaw f’avveniment internazzjonali f’ibħra lokali kontra baħħara barranin oħra u b’hekk mingħajr il-ħtieġa li jivvjaġġaw barra mill-pajjiż.

 

Il-Kampjonat Euromed ta’ Malta huwa organizzat mill-Malta Young Sailors Club bil-kooperazzjoni tal-Kunsill Malti għall-iSport u l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u qed jinżamm taħt il-patroċinju tal- Malta Sailing Federation.  Il Lukanda Seabank Resort & Spa hija l-Lukanda Uffiċjali tal-Euromed 2012 filwaqt li l-Uffiċċju Organizzattiv ser ikun stabbilit fil-Restaurant Mexico, dak li kien Tunny Net.

 

L-Avveniment se tkun prinċipalment kompetizzjoni għal baħħara Optimists fejn l-għola premju aħħari huwa l-Euromed Overall Trophy li matul l-aħħar tnax il-sena kellha hdax ir-rebbieħ differenti. Dawn ġew mill-Irlanda (darba), l-Iżvezja (darbtejn), Malta (ħames darbiet), l-Italja, it-Turkija u r-Russja (darbtejn). ).  Il-Malti Thomas Zammit Tabona huwa l-uniku baħri li rebaħ il-Trofew darbtejn, fl-2006 u fl-2007,  it-tieni rebħa tiegħu fl-età ta 13-il sena. L-iżgħar rebbieħa tal-Kampjonat kienet ir-Russa ta’ 11-il sena Nikita Ushkov, rebħa li hija rreġistrat fl-2009. Reġistrazzjoni tibda nhar it-Tnejn 17 tax-xaħar u sa dik id-data l-Organizzaturi huma kunfidenti li l-kompetituri barranin jibqgħu jiġu il-quddiem.

 

Id-dinghy tat-tip ottimist huwa rikonoxxut bħala ‘one design’ li jinsaq minn baħri wieħed fejn baħħara ta’ taħt l-età ta’ 16-il sena biss huma eliġibbli li jikkontestaw f’din il-klassi tat-tlielaq. Din hija l-akbar klassi għat-tfal fid-Dinja u rikonoxxuta bhala Klassi Internazzjonali ISAF.

 

Il-flotta ottimist żgħażugħa se tinqasam f’tlett klassijiet jiġifieri; Subien u Bniet Klassi Miftuħ bejn 12-15 il-sena, Kadetti Subien u Bniet bejn 8-11 il-sena, u l-Klassi Beginners għal subien u bniet li ilhom jbaħħru biss għal sena.  Il-Kampjonat Malti huwa wkoll attrazzjoni għall-baħħara tad-dinghy Laser fejn il-parteċipazzjoni mhix imxekkla minn limitu ta’ età. Hawnhekk se jkun hemm 3 klassijiet; 4.7 Subien, 4.7 Bniet u klassi Laser Radial. Wara l-introduzzjoni s-sena l-oħra se jerġa’ jkun hemm il-klassi Feva RS, dedikati għal dingi 3.64m, magħrufa li jipprovdu liż-żgħażagħ bi pjattaforma ta’ tagħlim biex ibaħħru u li qed tinfirex madwar id-dinja kollha b’popolarità kbira.  Hawnhekk ukoll il-parteċipazzjoni se tkun miftuħa u se jkun hemm biss klassi waħda.

 

Għal numru ta kompetituri barranin normalment huma akkumpanjati minn membri oħra tal-familja tagħhom, il-kampjonat Malti huwa okkażjoni fejn igawdu avveniment ‘Milied’ kompetittiv f’kondizzjonijiet tat-temp aktar pjaċevoli minn dawk prevalenti fil-pajjiżi tagħhom.  Barra minn hekk il-gruppi barranin dejjem jagħmluha prijorità li matul iż-żjara tagħhom imorru fuq ħarġiet għall-postijiet ta’ interess storiku u kulturali f’Malta.  Ċertament, Euromed huwa avveniment xitwi stabbilit u attrazzjoni lokali tipika taħt l-aspett ta’ turiżmu sportiv.

 

Bħas-soltu il-Malta Euromed Championship se ssir taħt il-ġurisdizzjoni ta’ bord ta’ tliet Membri tal-Ġurija Internazzjonali. Din is-sena dawn huma Bernardette Delbartb (Franza), Henry Sleutel (l-Olanda) u Paul Withers (Gran Brittanja) li ser jkunu assistiti minn tim ta Ġurija Nazzjonali magħmul minn Jovin Rausi u Godwin Zammit taħt il-presidenza ta’ Peter Valentino u megħjuna Anna Rossi  President tal-Malta Sailing Federation, li se tmexxi ukoll l-aspett loġistiku u tekniku ta’ l-avveniment.

 

L-Uffiċjal Prinċipali tal-Kampjonat ser ikun Peter Dimech li se tkun megħjun fost oħrajn minn Jenny Camilleri, Anthony Miggani, Norman Cutajar u Paul Warren. Jean Paul Soler Flori membru tal-kumitat organizzattiv huwa wkoll il-kowċ tat-tim optimist tal-kbar kariga li ilu jżomm għal dawn l-aħħar tlettax il-sena.

 

 





Leave a comment