MAFA: Valletta St Pauls u Senglea Gunners jibqgħu fit-taqtiegħa

Monday, April 8, 2019, 7:30

RAPPORT: Robert Busuttil

Iċ-ċampjins preżenti Valletta St Pauls jinsabu punt biss bogħod mil-liders Versity AFC wara li għelbu lil Qormi Hotspurs bl-iskor ta’ 3-0.

Anke Senglea Gunners kisbu l-istess skor, din id-darba kontra San Ġiljan Saints sabiex anke huma daħlu fit-taqtiegħa għar-rebħ tal-kampjonat.

Fl-istess waqt Marsa St Michael neħħew kull ħsieb ta’ relegazzjoni meta f’logħba akkanita għelbu lil Naxxar Victorians bil-punteġġ minimu ta’ 2-1.

Ser ikun tmiem drammatiku għal dan il-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA kemm fin-naħa ta’ fuq kif ukoll fin-naħa t’isfel tal-klassifika hekk kif fadal żewġ logħbiet għat-tmiem tal-istaġun.

Kif għedna Valletta St Pauls iddominaw il-partita kontra Qormi u kien biss fl-aħħar li aċċertaw ruħhom mit-tliet punti finali. L-avversarji tagħhom iddefendew sa snienhom u minkejja li l-Beltin ħolqu ċans wara l-ieħor, ir-riżultat baqa’ mdendel sal-aħħar.

Il-kowċ tal-Hotspurs Wayne Zerafa adotta pjan tattiku ta’ 5-4-1, b’Yosef Bonnici l-uniku attakkant li kellu jtella’ l-kontrattakki.

Il-kowċis tas-St Pauls Malcolm Tirchett u Jonathan Francica ħejjew metodu offensiv b’Denis di Maio jingħaqad ma’ Simon Shead fl-attakk.

Il-gowlkiper ta’ Qormi Dwayne Camilleri ħtieġlu jsalva għal aktar minn darba lit-tim tiegħu b’xuttijiet ta’ Uros Markovic, Denis di Maio u Simon Shead rispettivament. Fejn ma wasalx hu kien hemm il-lasta li għenithom jagħlqu l-ewwel taqsima fi dro ta’ 0-0.

Fit-tieni taqsima, it-tim mill-kapitali baqa’ jattakka għalkemm kellu jistenna sal-51 minuta sabiex fetaħ l-iskor meta wara azzjoni ta’ korner, kien l-attakkant Simon Shead li għola fuq kulħadd u bir-ras għeleb lil Camilleri.

Is-St Pauls aktar bdew jattakkaw iżda bejn ix-xorti li ftit daħkitilhom kif ukoll is-saves tal-gowlkiper Camilleri, il-partita baqgħet imdendla sal-aħħar.

Kien biss fil-ħin mogħti żejjed mir-referi li l-Beltin aċċertaw ruħhom mit-tliet punti b’żewġ gowls identiċi ta’ Denis Di Maio li b’hekk wettaq doppjetta filwaqt li tella’ t-total ta’ gowls staġjonali għal għaxra.

Senglea Gunners ukoll baqgħu jżommu t-tamiet tagħhom li jistgħu jirbħu l-kampjonat meta b’wirja kbira fit-tieni taqsima, huma għelbu lil San Ġiljan Saints bl-iskor ta’ 3-0.

Wara taqsima ferm kwieta fejn ftit kellna azzjonijiet denji ta’ nota, fit-tieni taqsima t-tim mill-Kottonera ħarġu ferm aggressivi tant li f’temp ta’ erba’ minuti għalqu l-konfront.

Kien Ismael Cachia li fetaħ l-iskor fis-47 minuta sabiex  Gary Tanti rdoppja l-iskor għat-tim tiegħu.

Ir-reazzjoni ta’ San Ġiljan Saints kienet fjakka u mhux ta’ b’xejn li huma qalgħu t-tielet wieħed meta kien Ousmane Jallow li approfitta u għeleb għat-tielet darba lill-gowlkiper avversarju.

Din it-telfa ħalliet lil San Ġiljan f’periklu kbir li jiġu relegati għalkemm jinsabu punt wieħed biss taħt Qormi Hotspurs fil-klassifika.

Marsa St Michael kisbu r-raba’ rebħa staġjonali meta għelbu lit-tim diġa’ relegat ta’ Naxxar Victorians bl-iskor ta’ 2-1.

Il-Marsin fetħu l-iskor wara disa’ minuti logħob permezz tal-aqwa skorer tagħhom Ricardo Severino li approfitta minn indeċiżjoni difensiva sabiex għeleb lil Kurt Aquilina bejn il-lasti Naxxarin. Dawn tal-aħħar ma qagħdux lura milli jtellgħu xi kontrattakki għalkemm ftit impenjaw lid-difiża Marsija.

Is-St Michael ippruvaw jagħlqu l-logħba iżda ftit kellhom xorti quddiem il-lasti avversarji.

Wara skor ta’ 1-0 sa tmiem l-ewwel taqsima, Marsa St Michael irduppjaw l-iskor mas-siegħa logħob meta kien Dimitri Boyadhziev li sab ix-xibka għal 2-0.

Il-Victorians reġgħu daħlu fil-partita fis-67 minuta permezz ta’ Fabrizio Farrugia li b’hekk ħoloq tmiem drammatiku. Minkejja kollox l-avversarji tagħhom ikkontrollaw is-sitwazzjoni sabiex neħħew kull inkwiet li seta’ jkun hemm miż-żona l-ħamra.

KLASSIFIKA MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

Versity AFC 21, Valletta St Pauls 20, Senglea Gunners 19, Marsa St Michael 16, Qormi Hotspurs 12, San Ġiljan Saints 11, Naxxar Victorians 1.





Leave a comment