MAFA: Senglea Gunners rebbieħa konvinċenti u jitħarbat nofs il-programm minħabba s-silġ

Sunday, February 24, 2019, 8:59

RAPPORT: Robert Busuttil
Ritratt: Warren Sammut
Il-maltemp li laqat lill-gżejjer Maltin matul il-ġurnata tal-bieraħ ħarbat xi ftit il-programm ta’ partiti li kellhom jintlagħbu mill-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA. Fil-verita’ logħba minnhom intlagħbet, oħra bdiet u ma komplietx filwaqt li l-aħħar waħda ġiet posposta.  Fil-fatt il-grawnd ta’ Santa Luċija kien miksi silġ propju meta kienet għadha kemm bdiet it-tieni logħba programmata bejn Versity AFC u San Ġiljan Saints bir-referi jabbanduna l-partita minħabba li ma setax ikompli jintlagħab logħob.

Fl-unika logħba sħiħa li ntlagħbet Senglea Gunners ingħaqdu fl-ewwel post tal-klassifika flimkien ma’ Versity AFC, anke jekk b’logħba inqas wara li ddominaw u għelbu lil Marsa St Michael bl-iskor ta’ 4-0.

Kienet partita fejn it-tim mill-Kottonera ddomina mill-bidu sal-aħħar, b’Marsa St Michael li ftit dehru li qabdu art tas-sitwazzjoni. Anke l-attakkanti tagħhom kellhom partita kwieta bl-iskorer prolifiku Ricardo Severino imrażżan sew mid-difensur Sengleani.

L-Isla għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari sa mill-bidu u marru fil-vantaġġ wara 12-il minuta logħob permezz ta’ Ousmane Jallow li qabad ballun min-nofs il-grawnd u filwaqt li avvanza, qabeż żewġ plejers u wiċċ imb’wiċċ mal-gowlkiper xeħet il-ballun ġewwa.

Żewġ minuti qabel intemmet l-ewwel taqsima, il-Gunners għamluhom tnejn meta kien l-istess Ousmane Jallow li b’xutt minn barra l-kaxxa ssoprenda lil Delyan Ivanov li laqa’ iżda ma żammx bil-ballun jidħol ħelu ħelu fix-xibka sabiex l-ewwel taqsima għalqet b’Senglea 2-0 minn fuq.

Fit-tieni taqsima, Marsa St Michael ippruvaw iwettqu reazzjoni iżda l-aggressivita’ tal-plejers Sengleani fixklithom xi ftit tant li fit-43 minuta qalgħu t-tielet gowl meta kien Glenn Tanti li kkonkluda azzjoni ta’ kontrattakk u b’xutt tajjeb minn angolu magħluq għeleb lil Ivanov.

Is-St Michael ikkrollaw u ma kinitx sorpriża li dabbru r-raba’ wieħed meta Abdullah Hussein qabad ballun min-nofs il-grawnd, baqa’ javvanza, qabeż lill-gowlkiper u ddepożita ġewwa għal skor finali ta’ 4-0.

Din kienet ir-raba’ rebħa għal Senglea Gunners li ttellagħhom fil-quċċata tal-klassifika flimkien ma’ Versity AFC għalkemm għandhom logħba aktar.

Min-naħa l-oħra, Marsa St Michael sofrew it-tieni telfa staġjonali li tathom daqqa ta’ ħarta fil-ġlieda tagħhom għall-kampjonat.  Referì ta’ din il-partita kien Gjorgji Bitri.

It-tieni partita skedata bejn Versity AFC u San Ġiljan Saints li kienet waħda ferm mistennija ġiet abbandunata f’nofs l-ewwel taqsima wara s-silġ u x-xita li niżlu fil-grawnd ta’ Santa Luċija. Ir-referi tal-partita Pasquale D’Errico f’konsultazzjoni maż-żewġ captains iddeċieda li jwaqqaf il-logħob bl-iskor li kien jaqra 1-1.

Kienet partita li kif għedna kellha l-ewwel mumenti eċitanti biż-żewġ timijiet li ħarġu sabiex jieħdu t-tliet punti minn dan il-konfront b’Versity AFC li riedu jerġgħu jmorru waħedhom fl-ewwel post u b’San Ġiljan li xtaqu jżommu t-tamiet għat-titlu ħajjin.

San Ġiljan kellhom bidu mill-aqwa u marru fil-vantaġġ wara tliet minuti logħob meta l-aqwa skorer tal-kampjonat Quentin Albrecht irċieva tajjeb mingħand Jamie Bowlby u b’xutt mal-ewwel ħasad lill-keeper tal-Versity.

It-tim minn Tal-Qroqq kellhom reazzjoni f’waqtha u ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Ubadike Ifeantichukwu li seba’ minuti wara pront għeleb lill-gowlkiper avversarju.

Fit-22 minuta, ir-referi abbanduna l-partita minħabba l-kwantita’ ta’ ilma u silġ li niżel u li għamel il-grawnd ta’ Santa Luċija mhux tajjeb għal-logħob.

B’konsegwenza ta’ dan, it-tielet logħba skedata bejn Valletta St Pauls u Naxxar Victorians li kellha tintlagħab fil-ħamsa ta’ wara nofsinhar ġiet posposta wkoll.

Sar magħruf li dawn iż-żewġ logħbiet li tħassru minħabba l-maltemp ser isiru fis-16 ta’ Marzu li ġej.

KLASSIFIKA L-EWWEL DIVIŻJONI:
Versity AFC, Senglea Gunners 15, Marsa St Michael 11, San Ġiljan Saints 10, Valletta St Pauls 8, Qormi Hotspurs 7, Naxxar Victorians 1.





Leave a comment