MAFA League: Valletta Stars jiftħu l-Kampjonat beraħ

Sunday, April 2, 2017, 21:40

Gavin Muscat

Valletta Stars kisbu rebħa ferm importanti u issa daħlu huma wkoll għat-tiġrija finali għar-rebħ tat-titlu meta għelbu lill-kontendenti l-oħra Fleur de Lys CFK bl-iskor ta’ 2-1.

Kien tmiem il-ġimgħa ferm favorevoli għall-Istilel Beltin illi ħakkew idejhom mhux ftit meta fil-logħba ta’ wara, il-liders Qormi Hotspurs setgħu jiġu biss dro ta’ 1-1 kontra Mqabba Albions.

Dan ifisser illi issa l-ġlieda għar-rebħ tal-Kampjonat tat-Tieni Diviżjoni hija bejn tliet timijiet, Qormi, Fleur de Lys u Valletta Stars f’fażi verament bilanċjata u eċitanti.

It-tim mill-Kapitali kienu ferm motivati illi jieħdu dawn it-tliet punti hekk kif bdew din il-partita fuq l-attakk.

Protagonist prinċipali kien l-attakkant tagħhom Mark  Muscat illi skorja doppjetta u kien ta’ theddida kontinwa għad-difiża ta’ Fleur de Lys.

Muscat irnexxielu jpoġġi lit-tim tiegħu fil-vantaġġ fis-16 –il minuta wara azzjoni ferm tajba maħduma mill-plejers Beltin.

Fleur de Lys ma tantx dehru maħsuda minn dan il-gowl għax minnufih ġabu d-dro permezz ta’ Robert Bajada sabiex l-ewwel taqsima għalqet 1-1.

Fit-tieni taqsima rajna logħba fejn iż-żewġ timijiet bdew jippruvaw isibu l-gowl illi jtihom it-tliet punti u kienu proprju Valletta illi rnexxielhom jagħmlu dan grazzi għall-gowl ieħor ta’ Mark Muscat illi tefa’ lid-diriġenti u plejers Beltin f’dellirju ta’ ferħ.

Dawn kienu tliet punti ferm siewja għall-Istilel Beltin li reġgħu fetħu beraħ il-kampjonat.

Min-naħa ta’ Fleur de Lys jibqa’ d-diżappunt li ma rnexxielhomx jieħdu xi ħaġa minn din il-logħba.

————————————————————————————————————————————————————-

F’partita oħra ferm eċitanti, il-liders Qormi Hotspurs ġew miżmuma fi dro ta’ 1-1 minn Mqabba Albions.

Kien konfront ferm sabiħ fi storja ta’ żewġ taqsimiet. Fl-ewwel taqsima Mqabba kienu ferm tajbin hekk kif ħasdu lit-tim żagħżugħ minn Ħal Qormi b’ħafna kontrattakki perikolużi illi setgħu wkoll issarrfu f’gowl.

L-Albions irnexxielhom imorru minn fuq għalkemm kellhom lill-goalkeeper tagħhom Daniel Buttigieg illi tkeċċa mir-referi wara li qabad il-ballun b’idu barra l-kaxxa l-kbira.

Fit-tieni taqsima, konxji mill-vantaġġ numeriku u mill-fatt li riedu jġibu l-iskor indaqs, Qormi bdew jattakkaw bla waqfien u hawn kellu jkun il-goalkeeper Omar Vella illi salva lit-tim tiegħu b’diversi saves.

Biex tkompli tiġihom ħażina, Mqabba spiċċaw jilagħbu b’disa’ players wara li anke Christian Bugeja ġie muri l-karta l-ħamra mir-referee.

Lejn l-aħħar tal-partita, Qormi rnexxilhom jsibu l-parita’ u saħansitra kellhom fejn jieħdu t-tliet punti pero’ kienu żvinturati illi laqtu l-lasta f’żewġ okkażjonijiet u kellhom ballun maqlugħ minn fuq il-linja minn difensur ta’ Mqabba.

Kienu dawn tal-aħħar illi fl-24 minuta marru minn fuq permezz ta’ Redent Cassar sabiex wara ħafna tentattivi, Qormi sabu l-gowl tad-dro fis-66 minuta meta minn azzjoni ta’ frikik kien is-solitu Yosef  Bonnici illi bir-ras għeleb lil Omar Vella għar-riżultat finali ta’ 1-1.

B’hekk Qormi kellhom jikkuntentaw b’punt wieħed biss li xorta jżommhom fl-ewwel post tal-klassifika, bi Mqabba illi batew mhux ftit sabiex żammew dan ir-riżultat sal-aħħar.

Il-logħob tal-MAFA ikompli nhar is-Sibt illi ġej meta tintlagħab ġurnata oħra mill-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni fejn tispikka l-partitissima bejn il-liders Marsa St Michael u t-tim fit-tieni post tal-klassifika Valletta St Pauls.

————————————————————————————————————————————————————-

KLASSIFIKA:

L-Ewwel Diviżjoni:

Marsa St Michael 30,

Valletta St Pauls 27,

Senglea Gunners 14,

Santa Lucia Falcons 9

It-Tieni Diviżjoni:

Qormi Hotspurs 13,

Fleur De Lys CFK, Valletta Stars 11,

Tal-Qroqq Versity, Mqabba Albions 8

Il-plejers ta' Valletta Stars jifirħu b'Mark Muscat li skorja doppjetta fil-logħba kontra Fleur de Lys

 





Leave a comment